Mur fil-kontenut

Kif nistaʼ nsib ir-reliġjon vera?

Kif nistaʼ nsib ir-reliġjon vera?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Biex tgħinna nagħrfu d-​differenza bejn dawk li jipprattikaw ir-​reliġjon vera u dawk li ma jipprattikawhiex, il-​Bibbja tgħid: “Mill-​frott tagħhom tagħrfuhom. In-​nies ma jiġbrux l-​għeneb mix-​xewk jew it-​tin mill-​għollieq, hux tassew?” (Mattew 7:16) Sewwasew bħalma tistaʼ tagħraf dielja minn għollieqa minn dak li tipproduċi, int tistaʼ tagħraf reliġjon vera minn dik falza mill-​frott tagħha, jew minn dawn il-​punti li ġejjin.

  1.   Ir-​reliġjon vera tgħallem il-​verità li hi bbażata fuq il-​Bibbja, mhux fuq dak li jaħsbu l-​bnedmin. (Ġwanni 4:24; 17:17) Din tinkludi veritajiet reliġjużi dwar ir-​ruħ u t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. (Salm 37:29; Isaija 35:5, 6; Eżekjel 18:4) Ukoll, ma żżommx lura milli tikxef il-​gideb reliġjuż.​—Mattew 15:9; 23:27, 28.

  2.   Ir-​reliġjon vera tgħin lin-​nies isiru jafu lil Alla, u dan jinkludi li tgħallimhom li ismu hu Ġeħova. (Salm 83:18; Isaija 42:8; Ġwanni 17:3, 6) Ma tgħallimx li ħadd ma jistaʼ jifhmu jew li hu ’l bogħod minna; minflok, tgħallem li hu jrid li jkollna relazzjoni tajba miegħu.​—Ġakbu 4:8.

  3.   Ir-​reliġjon vera tenfasizza li Ġesù Kristu hu l-​wieħed li permezz tiegħu Alla se jġib salvazzjoni. (Atti 4:10, 12) Il-​membri tagħha jobdu l-​kmandi taʼ Ġesù u jistinkaw biex isegwu l-​eżempju tiegħu.​—Ġwanni 13:15; 15:14.

  4.   Ir-​reliġjon vera tiffoka fuq is-​Saltna t’Alla bħala l-​unika tama għall-​umanità. Il-​membri tagħha b’mod żeluż jgħidu lil oħrajn dwar din is-​Saltna.​—Mattew 10:7; 24:14.

  5.   Ir-​reliġjon vera tħeġġeġ lill-​membri tagħha biex juru mħabba mhix egoistika. (Ġwanni 13:35) Tgħallimhom jirrispettaw kull grupp etniku u tilqaʼ lil nies minn kull razza, kultura, lingwa, u trobbija. (Atti 10:34, 35) Imqanqlin mill-​imħabba, il-​membri tagħha ma jmorrux għall-​gwerra.​—Mikea 4:3; 1 Ġwanni 3:11, 12.

  6.   Ir-​reliġjon vera m’għandhiex kleru li jitħallas, u lill-​membri tagħha ma tagħtihomx titli reliġjużi li jinstemgħu importanti u impressjonanti.​—Mattew 23:8-​12; 1 Pietru 5:2, 3.

  7.   Ir-​reliġjon vera hi newtrali għalkollox f’affarijiet politiċi. (Ġwanni 17:16; 18:36) Madankollu, il-​membri tagħha jirrispettaw u jobdu l-​gvern taʼ fejn jgħixu, fi qbil mal-​kmand tal-​Bibbja: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari [li jirrappreżenta l-​awtorità ċivili], imma lil Alla dak li hu t’Alla.”​—Marku 12:17; Rumani 13:1, 2.

  8.   Ir-​reliġjon vera hi mod taʼ ħajja, mhux sempliċi ritwal jew drawwa. Il-​membri tagħha jgħixu fi qbil mal-​livelli morali għoljin tal-​Bibbja f’kull aspett taʼ ħajjithom. (Efesin 5:3-​5; 1 Ġwanni 3:18) Però, minflok ma jagħmlu dan kontra qalbhom, huma ferħanin hekk kif iqimu “l-​Alla l-​hieni.”​—1 Timotju 1:11.

  9.   Dawk li jipprattikaw ir-​reliġjon vera kellhom ikunu ftit. (Mattew 7:13, 14) Membri tar-​reliġjon vera spiss mhumiex rispettati, jiġu mwaqqgħin għaċ-​ċajt, u jiġu ppersegwitati minħabba li qed jagħmlu r-​rieda t’Alla.​—Mattew 5:10-​12.

Ir-​reliġjon vera mhijiex sempliċi kwistjoni taʼ liema reliġjon tgħodd għalik

 Huwa perikoluż li nagħżlu reliġjon sempliċement minħabba l-​mod kif inħossuna dwarha. Il-​Bibbja bassret żmien meta n-​nies kienu se “jiġbru għalliema [reliġjużi] madwarhom biex jgħarrxulhom widnejhom.” (2 Timotju 4:3) B’kuntrast, il-​Bibbja tinkuraġġina biex insegwu “l-​qima [jew, reliġjon] li hi nadifa u bla tinġis mill-​ħarsa t’Alla tagħna u Missierna,” anki jekk din ir-​reliġjon ma tkunx popolari.​—Ġakbu 1:27; Ġwanni 15:18, 19.