Lill-Efesin 5:1-33

  • Kliem xieraq u kondotta tajba (1-5)

  • Aġixxu bħal dawk li jimxu fid-dawl (6-14)

  • Ibqgħu irċievu l-ispirtu qaddis (15-20)

    • Użaw il-ħin bl-aħjar mod (16)

  • Pariri għall-irġiel u n-nisa miżżewġin (21-33)

5  Għalhekk, imitaw lil Alla, bħala tfal għeżież,  u komplu uru mħabba, bħalma l-Kristu wkoll ħabbna* u ta lilu nnifsu għalina* bħala offerta u sagrifiċċju jfuħ għal Alla.  Lanqas biss għandkom issemmu bejnietkom l-immoralità sesswali,* kull tip taʼ nuqqas taʼ ndafa, jew regħba, bħalma hu xieraq għall-poplu qaddis.  Lanqas ma jkun xieraq li taġixxu bla mistħija, titkellmu bla sens, jew tagħmlu ġesti oxxeni, imma minflok irringrazzjaw lil Alla.  Għax intom tafu dan, iva, irrealizzajtu li ebda persuna li tagħmel l-immoralità sesswali,* affarijiet mhux nodfa, jew tkun rgħiba, li hi tip t’idolatrija,* mhu se tiret is-saltna t’Alla li jmexxi l-Kristu.  Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem fil-vojt, għax minħabba dawn l-affarijiet li Alla se jikkastiga lid-diżubbidjenti.  Għalhekk, m’għandu jkollkom xejn x’taqsmu magħhom;  għax intom darba kontu bħad-dlam, imma issa qiskom bħad-dawl minħabba li intom tal-Mulej. Ibqgħu aġixxu bħal dawk li jimxu fid-dawl.*  Għax li tgħix fid-dawl ifisser li tkun qalbek tajba f’kollox, ġust, u tgħix fi qbil mal-verità. 10  Komplu agħmlu ċert x’inhuma l-affarijiet li jaċċetta l-Mulej; 11  u tibqgħux tieħdu sehem f’xogħlijiet li ma jiswew xejn u li huma tad-dlam; minflok, ikxfuhom. 12  Għax l-affarijiet li jagħmlu bil-moħbi, huma tal-mistħija anki biex issemmihom. 13  Id-dawl jikxef l-affarijiet kollha. Allura, l-affarijiet kollha li jinkixfu se jiġu mdawla. 14  Għalhekk, l-Iskrittura tgħid: “Int li int rieqed bħal persuna mejta, qum, u l-Kristu se jiddi fuqek.” 15  Għalhekk, oqogħdu attenti sew biex ma tagħmlux bħan-nies boloh, imma bħan-nies għorrief, 16  billi tużaw* il-ħin bl-aħjar mod, għax iż-żmien hu ħażin. 17  Minħabba f’hekk, tibqgħux tkunu bla raġuni, imma ibqgħu ifhmu xi jrid Ġeħova.* 18  Ukoll, tiskrux* għax dan iwassalkom biex tagħmlu affarijiet ħżiena ħafna, imma ibqgħu irċievu l-ispirtu qaddis. 19  Saħħu lil xulxin* billi tkantaw is-salmi, tfaħħru lil Alla, u tkantaw għanjiet spiritwali. Kantaw u faħħru lil Ġeħova* fi qlubkom. 20  Ukoll, dejjem irringrazzjaw lil Alla u l-Missier tagħna ta’ kollox f’isem il-Mulej Ġesù Kristu tagħna. 21  Kunu sottomessi* lejn xulxin minħabba r-rispett kbir għal* Kristu. 22  Ħalli n-nisa jkunu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom bħallikieku lejn il-Mulej. 23  Għax raġel hu kap taʼ martu bħalma l-Kristu hu l-kap tal-kongregazzjoni, peress li hu jsalva dan il-ġisem.* 24  Fil-fatt, bħalma l-kongregazzjoni hi sottomessa lejn il-Kristu, in-nisa wkoll għandhom ikunu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom f’kollox. 25  Irġiel, komplu ħobbu lill-mara tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta ħajtu għaliha. 26  Hu għamel hekk biex iqaddisha, billi jnaddafha bl-ilma, jiġifieri bil-kelma t’Alla. 27  B’hekk, il-kongregazzjoni tkun sabiħa quddiemu, mingħajr tebgħa, tikmix, jew affarijiet bħal dawn, imma tkun qaddisa u mingħajr difett. 28  Bl-istess mod, l-irġiel għandhom iħobbu lill-mara tagħhom, bħalma jħobbu lill-ġisem tagħhom stess. Raġel li jħobb lil martu jħobb lilu nnifsu. 29  Għax ħadd qatt ma bagħad lil ġismu, imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-Kristu jagħmel lill-kongregazzjoni, 30  għax aħna partijiet mill-ġisem tiegħu. 31  “Minħabba f’hekk, raġel iħalli lil missieru u lil ommu, jingħaqad* maʼ martu, u huma jsiru ġisem wieħed.” 32  Is-sigriet qaddis u importanti li qed nitkellem dwaru hu dwar Kristu u l-kongregazzjoni. 33  Minkejja dan, kull wieħed minnkom għandu jħobb lill-mara tiegħu bħalu nnifsu; mill-banda l-oħra, il-mara għandu jkollha rispett kbir għar-raġel tagħha.

Noti taʼ taħt

Jew forsi “ħabbkom.”
Jew forsi “għalikom.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jiġifieri tqim lill-idoli.
Letteralment “tfal tad-dawl.”
Letteralment “tixtru.”
Letteralment “tiskrux bl-inbid.”
Jew forsi “lilkom infuskom.”
Jiġifieri rrispettaw l-awtorità.
Letteralment “fil-biżaʼ taʼ.”
Jiġifieri l-kongregazzjoni.
Jew “jibqaʼ.”