Lill-Efesin 6:1-24

  • Pariri għat-tfal u l-ġenituri (1-4)

  • Pariri għall-ilsiera u s-sidien (5-9)

  • L-armatura sħiħa mingħand Alla (10-20)

  • Tislijiet (21-24)

6  Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom bħalma jrid il-Mulej, għax hekk hu xieraq.  “Irrispetta lil missierek u lil ommok,” dan hu l-ewwel kmand li ngħata maʼ din il-wegħda:  “Biex tirnexxi* u tgħix ħajja twila fuq l-art.”  Missirijiet, iddejqux lit-tfal tagħkom, imma komplu ħudu ħsiebhom billi tiddixxiplinawhom u tittrennjawhom* bħalma jrid Ġeħova.*  Ilsiera, obdu mill-qalb lis-sidien tagħkom* b’rispett kbir u biżaʼ, bħallikieku lill-Kristu.  Tagħmlux dan għal għajn in-nies, biex tingħoġbu minnhom, imma bħala lsiera taʼ Kristu li jagħmlu dak li jrid Alla b’ruħhom* kollha.  Kunu lsiera b’attitudni tajba, bħallikieku qed taqdu lil Ġeħova* u mhux lill-bnedmin.  Għax intom tafu li kull wieħed se jiġi ppremjat minn Ġeħova* għat-tajjeb li jkun għamel, kemm jekk hu lsir u kemm jekk le.  Ukoll sidien, ibqgħu ttrattawhom bl-istess mod, u mhux thedduhom, għax intom tafu li s-Sid tagħkom u tagħhom qiegħed fis-sema, u hu ma jurix preferenzi. 10  Fl-aħħar, jalla l-Mulej jagħtikom il-qawwa permezz tas-saħħa kbira tiegħu. 11  Ilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla ħalli tkunu tistgħu żżommu sod kontra l-pjanijiet qarrieqa* tax-Xitan; 12  għax il-ġlieda li għandna mhix kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-gvernijiet, l-awtoritajiet, u l-mexxejja taʼ din id-dinja mdallma, jiġifieri kontra d-demonji li hemm fis-sema. 13  Għal din ir-raġuni, ilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla, biex tkunu tistgħu tieqfu lil dan l-għadu fiż-żmien meta jattakka, u tibqgħu sodi għax tkunu għamiltu dak li hu mitlub minnkom. 14  Għalhekk, żommu sod biċ-ċinturin tal-verità maqful, lebsin il-kurazza tal-ġustizzja, 15  u bis-sandli f’saqajkom biex tkunu lesti tippritkaw l-aħbar tajba tal-paċi. 16  Barra minn hekk, aqbdu t-tarka kbira tal-fidi, li biha tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-wieħed mill-agħar. 17  Ukoll, ilbsu f’raskom l-elmu tas-salvazzjoni, u ħudu x-xabla tal-ispirtu qaddis, jiġifieri l-kelma t’Alla, 18  waqt li b’kull tip taʼ talb u suppliki* komplu itolbu f’kull okkażjoni permezz tal-qawwa tal-ispirtu qaddis. Għalhekk, ibqgħu għassa u itolbu bil-ħniena l-ħin kollu għall-qaddisin kollha. 19  Itolbu għalija wkoll, ħalli ningħata l-abbiltà li nitkellem u nkun nistaʼ nipprietka bil-kuraġġ dwar is-sigriet qaddis tal-aħbar tajba. 20  Jien ambaxxatur taʼ din l-aħbar tajba* u għalhekk qiegħed marbut bil-ktajjen. Itolbu għalija ħalli nkun nistaʼ nipprietka bil-kuraġġ, bħalma għandi nagħmel. 21  Tikiku, ħu għażiż u qaddej leali tal-Mulej, se jgħidilkom x’qed nagħmel u kif jien. 22  Jien qed nibagħtu għandkom, biex jgħidilkom kif aħna u biex ikun jistaʼ jinkuraġġikom. 23  Jalla l-aħwa jkollhom il-paċi u l-imħabba flimkien mal-fidi li jiġu mingħand Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu. 24  Jalla Alla juri qalb tajba kbira maʼ dawk kollha li jħobbu b’mod ġenwin lill-Mulej tagħna Ġesù Kristu.

Noti taʼ taħt

Jew “jaħbatlek tajjeb.”
Jew “tgħallmuhom; tiggwidawhom.”
Jew “lis-sidien tagħkom li huma bnedmin.”
Jew “it-tnassis.”
Jiġifieri talb bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “nirrappreżenta lil Alla u nipprietka l-aħbar tajba.”