Mur fil-kontenut

Xi ħadd qatt ra lil Alla?

Xi ħadd qatt ra lil Alla?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 L-​ebda bniedem ma ra lil Alla letteralment. (Eżodu 33:20; Ġwanni 1:18; 1 Ġwanni 4:12) Il-​Bibbja tgħid li “Alla hu Spirtu”, ħliqa li hija inviżibbli għalina l-​bnedmin.​—Ġwanni 4:24; 1 Timotju 1:17.

 Imma l-​anġli jistgħu jaraw lil Alla direttament minħabba li huma ħlejjaq spirti. (Mattew 18:10) Iktar minn hekk, xi bnedmin li jmutu se jiġu mqajmin għall-​ħajja fis-​sema b’ġisem spirtu u mbagħad ikunu jistgħu jaraw lil Alla.​—Filippin 3:20, 21; 1 Ġwanni 3:2.

Kif tistaʼ “tara” lil Alla issa?

 Il-​Bibbja taʼ spiss tuża b’mod figurattiv l-​idea li tara. Tużaha biex tirrappreżenta għarfien iktar ċar dwar il-​Bibbja. (Isaija 6:10; Ġeremija 5:21; Ġwanni 9:39-​41) F’dan is-​sens, persuna tistaʼ tara lil Alla issa permezz tal-​‘għajnejn taʼ qalbha’ billi jkollha fidi sabiex tkun taf Lilu u tapprezza l-​kwalitajiet Tiegħu. (Efesin 1:18) Il-​Bibbja tiddeskrivi modi sabiex tibni din it-​tip taʼ fidi.

  •   Tgħallem dwar il-​kwalitajiet t’Alla, bħall-​imħabba u l-​ġenerożità’ kif ukoll l-​għerf u l-​qawwa tiegħu, permezz tal-​ħolqien tiegħu. (Rumani 1:20) Wara li kien imfakkar dwar ix-​xogħlijiet kreattivi t’Alla, ir-​raġel leali Ġob ħassu bħallikieku Alla kien verament quddiem għajnejh.​—Ġob 42:5.

  •   Sir af lil Alla billi tistudja l-​Bibbja. Il-​Bibbja tassigurana: “Jekk tfittxu [lil Alla], iħallik issibu.”​—1 Kronaki 28:9; Salm 119:2; Ġwanni 17:3.

  •   Tgħallem dwar Alla permezz tal-​ħajja taʼ Ġesù. Peress li Ġesù rrifletta perfettament il-​personalità taʼ Missieru, Alla Ġeħova, hu bi dritt setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.”​—Ġwanni 14:9.

  •   Għix b’tali mod li jogħġob lil Alla, u ara kif jaġixxi għalik. Ġesù qal: “Henjin dawk taʼ qalbhom safja, għax għad jaraw lil Alla.” Bħalma ssemma qabel, xi wħud li jogħġbu lil Alla se jiġu rxoxtati fis-​sema, u għalhekk se “jaraw lil Alla” hemmhekk.​—Mattew 5:8; Salm 11:7.

Mosè, Abraham, u oħrajn, ma rawx lil Alla b’għajnejhom stess?

 F’rakkonti fejn jistaʼ jidher li l-​Bibbja tgħid li l-​bnedmin letteralment raw lil Alla, il-​kuntest juri li Alla ġie rrappreżentat minn anġlu jew deher permezz taʼ viżjoni.

 Anġli.

Fi żmien il-​qedem, Alla bagħat anġli bħala rappreżentanti tiegħu biex jidhru lil bnedmin u biex jitkellmu f’ismu. (Salm 103:20) Pereżempju, Alla darba tkellem ma’ Mosè minn għollieqa taqbad, u l-​Bibbja tgħid li “Mosè ħeba wiċċu, għax beżaʼ jħares lejn l-​Alla l-​veru.” (Eżodu 3:4, 6) Però, Mosè ma rax lil Alla b’mod letterali, għax il-​kuntest juri li hu fil-​fatt ra “l-​anġlu taʼ Ġeħova.”​—Eżodu 3:2.

 B’mod simili, meta l-​Bibbja tgħid li Alla “kien ikellem lil Mosè wiċċ imbwiċċ,” ifisser li Alla tkellem ma’ Mosè bħala ħabib. (Eżodu 4:10, 11; 33:11) Mosè ma rax wiċċ Alla fil-​veru sens tal-​kelma, għax l-​informazzjoni li rċieva mingħand Alla “ngħatat permezz taʼ l-​anġli.” (Galatin 3:19; Atti 7:53) Xorta waħda, il-​fidi taʼ Mosè f’Alla tant kienet b’saħħitha li l-​Bibbja tiddeskrivih “bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.”​—Ebrej 11:27.

 Bl-​istess mod li hu tkellem maʼ Mosè, Alla kkomunika maʼ Abraham permezz tal-​anġli. Vera, qari tal-​Bibbja taʼ fuq fuq jaf jagħti l-​impressjoni li Abraham letteralment ra lil Alla. (Ġenesi 18:1, 33) Madankollu, il-​kuntest juri li t-​“tlett irġiel” li ġew għand Abraham kienu fil-​fatt anġli mibgħutin mingħand Alla. Abraham irrikonoxxiehom bħala r-​rappreżentanti t’Alla u indirizzahom bħallikieku kien qed jitkellem direttament maʼ Ġeħova.​—Ġenesi 18:2, 3, 22, 32; 19:1.

 Viżjonijiet.

Alla deher ukoll lil bnedmin permezz taʼ viżjonijiet, jew xeni ppreżentati lill-​moħħ tal-​individwu. Pereżempju, meta l-​Bibbja tgħid li Mosè u Iżraelin oħrajn “raw lill-​Alla taʼ Israel,” huma fir-​realtà “raw viżjoni taʼ l-​Alla l-​veru.” (Eżodu 24:9-​11) Bl-​istess mod, il-​Bibbja xi kultant tgħid li xi profeti ‘raw lil Ġeħova.ʼ (Isaija 6:1; Danjel 7:9; Għamos 9:1) F’kull każ, il-​kuntest juri li huma raw viżjoni t’Alla u mhux lilu nnifsu.​—Isaija 1:1; Danjel 7:2; Għamos 1:1.