Mur fil-kontenut

Il-​Bibbja X’Tgħid Dwar li Tieħu Ħsieb il-​Ġenituri Meta Jikbru?

Il-​Bibbja X’Tgħid Dwar li Tieħu Ħsieb il-​Ġenituri Meta Jikbru?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Meta jikbru, it-​tfal għandhom ir-​responsabbiltà importanti li jieħdu ħsieb il-​ġenituri kbar tagħhom. Il-​Bibbja tgħid: “Dawn għandhom jitgħallmu l-​ewwel jagħmlu dmirhom billi jġibu rispett lill-​familja tagħhom u jroddu lill-​ġenituri tagħhom dak li ħaqqhom; għax dan jogħġob lil Alla.” (1 Timotju 5:4, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.) Meta t-​tfal jikbru u jagħmlu ċert li l-​ġenituri jkollhom dak li għandhom bżonn, huma jkunu qed jobdu wkoll il-​kmand tal-​Bibbja li jridu jirrispettaw il-​ġenituri tagħhom.—Efesin 6:2, 3.

 Il-​Bibbja ma tgħidx eżatt kif trid tieħu ħsieb il-​ġenituri tiegħek meta jikbru. Imma, fiha eżempji tajbin taʼ rġiel u nisa li għamlu hekk. Ukoll, tagħti pariri tajbin lil dawk li jieħdu ħsieb il-​ġenituri tagħhom.

 Xi rġiel u nisa fil-​Bibbja, kif ħadu ħsieb il-​ġenituri kbar tagħhom?

 Huma għamlu dan b’modi differenti, skont iċ-​ċirkustanzi li kellhom.

  •   Ġużeppi kien joqgħod ’il bogħod minn missieru, Ġakobb. Meta setaʼ, Ġużeppi rranġa biex Ġakobb imur jgħix viċin tiegħu. Imbagħad, Ġużeppi ra li missieru kellu fejn joqgħod, x’jiekol, u ħa ħsiebu.—Ġenesi 45:9-​11; 47:11, 12.

  •   Rut marret tgħix fil-​pajjiż tal-​kunjata tagħha u ħadmet iebes biex tieħu ħsiebha.—Rut 1:16; 2:2, 17, 18, 23.

  •   Ġesù, ftit qabel ma miet, għażel lil xi ħadd biex jieħu ħsieb lil ommu, Marija. Milli jidher diġà kienet armla.—Ġwanni 19:26, 27. a

 Liema pariri mill-​Bibbja jistgħu jgħinu lil dawk li qed jieħdu ħsieb il-​ġenituri?

 Fiżikament u emozzjonalment tistaʼ tkun taʼ sfida għal dawk li qed jieħdu ħsieb il-​ġenituri kbar fl-​età. Imma, il-​Bibbja tagħti pariri li jistgħu jgħinuhom.

  •   Irrispetta lill-​ġenituri tiegħek.

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “Onora lil missierek u lil ommok.”—Eżodu 20:12.

     Kif tistaʼ tapplika dan il-​prinċipju? Irrispetta l-​ġenituri tiegħek billi tħallihom ikunu indipendenti kemm jistaʼ jkun. Fejn hu possibbli, ħalli lilhom jiddeċiedu x’għajnuna jixtiequ. Fl-​istess ħin, urihom rispett billi tkun raġunevoli u tgħinhom kif tistaʼ.

  •   Ipprova ifhimhom u aħfrilhom.

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “Id-​dehen taʼ bniedem itaffilu r-​rabja tiegħu, u hija ħaġa sabiħa min-​naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.”—Proverbji 19:11.

     Kif tistaʼ tapplika dan il-​prinċipju? Ġenitur imdaħħal fl-​età jaf jgħid xi ħaġa li tweġġgħek jew jidher li mhux qed japprezza l-​għajnuna li qed ittih. Jekk jiġri hekk, staqsi lilek innifsek, ‘Kif inħossni kieku kont fis-​sitwazzjoni tiegħu, fejn ma nistax nagħmel dak li kont nagħmel qabel?’ Meta tipprova tifhem lil dak li jkun u taħfer, tistaʼ tevita li tiggrava s-​sitwazzjoni.

  •   Fittex l-​għajnuna t’oħrajn.

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “Il-​pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali, imma jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri.”—Proverbji 15:22.

     Kif tistaʼ tapplika dan il-​prinċipju? Agħmel riċerka dwar kif tistaʼ tgħin il-​ġenituri bil-​problemi taʼ saħħa li għandhom. Ara x’għajnuna hemm fejn toqgħod inti li tistaʼ tkun tajba għalihom. Tkellem m’oħrajn li ħadu ħsieb il-​ġenituri tagħhom. Jekk għandek ħutek, ikun tajjeb li tiltaqgħu flimkien mal-​ġenituri tagħkom biex tiddiskutu x’għandhom bżonn, kif se tgħinuhom, u kif ħa taqsmu x-​xogħol bejnietkom.

    Ipprovaw iltaqgħu bħala familja biex tiddiskutu kif ħa tieħdu ħsieb il-​ġenituri

  •   Kun af il-​limitazzjonijiet tiegħek.

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “L-​għerf hu mal-​modesti.”—Proverbji 11:2.

     Kif tistaʼ tapplika dan il-​prinċipju? Kun af x’tistaʼ u ma tistax tagħmel. Pereżempju, kulħadd huwa limitat f’kemm għandu ħin u enerġija. Allura jaf ma tkunx tistaʼ tagħmel dak kollu li għandhom bżonn il-​ġenituri tiegħek. Jekk tħoss li m’intix tlaħħaq, tistaʼ forsi ssaqsi lil tal-​familja jew nies professjonali biex jgħinuk.

  •   Ħu ħsieb tiegħek innifsek.

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “Ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.”—Efesin 5:29.

     Kif tistaʼ tapplika dan il-​prinċipju? Għalkemm għandek ir-​responsabbiltà li tieħu ħsieb il-​ġenituri tiegħek, trid tieħu ħsieb ukoll tiegħek innifsek. U jekk int miżżewweġ, ħu ħsieb ukoll lill-​familja tiegħek. Agħmel ċert li tiekol tajjeb, tistrieħ, u torqod biżżejjed. (Ekkleżjasti 4:6) Meta jkun possibbli, aqtaʼ mir-​rutina. Billi tagħmel dawn l-​affarijiet, se tħossok aħjar emozzjonalment, mentalment, u fiżikament. B’hekk, se tieħu ħsieb il-​ġenituri tiegħek aħjar.

 Il-​Bibbja tgħid jekk għandekx tibqaʼ tieħu ħsieb il-​ġenituri d-​dar?

 Il-​Bibbja ma tgħidx jekk il-​ġenituri li tkun qed tieħu ħsieb għandhomx jibqgħu d-​dar jew le. Xi familji għażlu li jibqgħu jżommu l-​ġenituri tagħhom id-​dar sakemm setgħu. Jistaʼ jkun li aktar tard it-​tfal iħossu li jkun aħjar għall-​ġenituri li jmorru ġo dar tal-​anzjani. Meta jiġri hekk, il-​familja jaf tiddeċiedi li tiltaqaʼ biex tiddiskuti x’inhu l-​aħjar għall-​kulħadd.—Galatin 6:4, 5.

a Rigward dan ir-​rakkont, wieħed li jikkummenta fuq il-​Bibbja qal: “Jistaʼ jkun li Ġużeppi [ir-​raġel taʼ Marija] kien ilu mejjet, u li t-​tifel tagħha Ġesù kien qed jieħu ħsiebha. Imma issa li kien se jmut, x’kien se jiġri minnha? . . . Kristu hawnhekk għallem li t-​tfal iridu jieħdu ħsieb il-​ġenituri tagħhom li qed jikbru.”—The NIV Matthew Henry Commentary in One Volume, paġni 428-​429.