Mur fil-kontenut

IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

L-aqwa premju taʼ ħajti

L-aqwa premju taʼ ħajti
  • SENA TAT-TWELID 1967

  • POST TAT-TWELID IL-FINLANDJA

  • PASSAT PLEJER PROFESSJONALI TAT-TENIS

IL-PASSAT TIEGĦI

 Jien trabbejt f’Tampere, il-Finlandja, post għall-kwiet kollu ħdura ’l barra miċ-ċentru. Familti ma tantx kienu reliġjużi imma l-edukazzjoni u l-manjieri tajbin kienu importanti għalihom. Ommi hi Ġermaniża, u meta kont żgħir, ġieli kont inqattaʼ xi żmien il-Ġermanja tal-Punent, fejn kienu jgħixu n-nanniet tiegħi.

 L-isports ilu jogħġobni mindu kont żgħir. Taʼ età żgħira, kont nilgħab kull tip taʼ sport, imma meta kelli xi 14, iddeċidejt li niffoka fuq it-tenis. Sa meta kelli 16-il sena, kont nittrennja darbtejn jew tlieta kuljum—żewġ sessjonijiet taʼ trejning professjonali u mbagħad filgħaxija kont nittrennja waħdi. Kont naffaxxina ruħi bl-aspetti differenti tal-logħba. Li nilgħab it-tenis kien mod kif nisfida lili nnifsi kemm mentalment u kif ukoll fiżikament. Għalkemm kont nieħu pjaċir inqattaʼ l-ħin maʼ sħabi u nieħu xi flixkun birra, qatt ma messejt mad-droga jew xrobt iżżejjed. It-tenis kien ħajti—kien kollox għalija.

 Meta kelli 17-il sena, bdejt nilgħab fit-tournaments tal-ATP. a Wara li rbaħt numru taʼ tournaments, sirt popolari fil-pajjiż. Taʼ 22 sena, kont fost l-aqwa 50 plejer tat-tenis fid-dinja.

 Għal snin sħaħ, ivvjaġġajt madwar id-dinja biex nilgħab tenis professjonali. Rajt xi postijiet mill-isbaħ, imma ġejt konxju wkoll taʼ kemm hemm problemi fid-dinja, inkluż il-kriminalità, id-droga, u problemi fl-ambjent. Pereżempju, waqt li kont fl-Istati Uniti, intqalilna biex ma nżurux ċerti postijiet minħabba l-kriminalità kbira li kien hemm. Dan kollu inkwetani. Barra minn hekk, għalkemm kont qed nagħmel xi ħaġa li nħobb, fl-aħħar tal-ġurnata, ma kontx inħossni sodisfatt.

KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI

 It-tfajla tiegħi, Sanna, kienet bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Kont ftit sorpriż li naraha tinteressa ruħha f’affarijiet reliġjużi, imma ma waqqafthiex milli tistudja. Fl-1990 iżżewwiġna, u s-sena taʼ wara hi tgħammdet bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm jien kont nemmen li hemm Alla, ma kontx inqisni xi persuna reliġjuża. Niftakar li nannti, li kienet Ġermaniża, spiss kienet taqra l-Bibbja u kienet anki għallmitni kif nitlob.

 Darba minnhom, meta jien u Sanna konna morna għand koppja li kienu Xhieda, ir-raġel, Kari, urieni l-profezija tal-Bibbja dwar “l-aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1-5) Dan vera impressjonani, għax irrealizzajt għala l-affarijiet kienu sejrin daqshekk ħażin fid-dinja. Dakinhar ma tantx komplejna nitkellmu dwar ir-reliġjon. Imma minn dik il-ġurnata, jien u Kari beda jkollna konversazzjonijiet dwar il-Bibbja, u kull ħaġa li tgħallimt kienet tagħmel sens. Peress li kelli ħajja mimlija u kont nivvjaġġa spiss, kien diffiċli li niltaqgħu regolarment. Imma Kari ma qatax qalbu. Hu kien sempliċiment iwiġibli l-mistoqsijiet li kont nistaqsi waqt l-istudju permezz taʼ ittra. Il-Bibbja kienet tagħti tweġibiet li jagħmlu sens għall-mistoqsijiet komplikati li kont nistaqsi dwar il-ħajja, u bil-mod il-mod, bdejt nifhem it-tema prinċipali tagħha—li s-Saltna t’Alla se twettaq għalkollox l-iskop t’Alla. Il-fatt li tgħallimt isem Alla, Ġeħova, u sirt naf dak li għamel għalina, laqatni ħafna. (Salm 83:18) L-iktar li impressjonani kien il-fatt li Alla pprovda s-sagrifiċċju tal-fidwa—dan m’għamlux sempliċiment minħabba arranġament legali, imma għamlu għax iħobbna. (Ġwanni 3:16) Sirt naf ukoll li kelli l-opportunità li nsir ħabib taʼ Ġeħova u ngħix għal dejjem f’ġenna tal-art mimlija paċi. (Ġakbu 4:8) Bdejt nistaqsi lili nnifsi, “Kif nistaʼ nuri l-apprezzament tiegħi?”

 Ħsibt sew dwar kif kont qed ngħix ħajti. Il-Bibbja għallmitni li l-aqwa ferħ jiġi meta nagħtu, u ħassejt li kelli naqsam dak li kont tgħallimt m’oħrajn. (Atti 20:35) Bħala atleta professjonali, kont inqattaʼ 200 ġurnata fis-sena ’l bogħod mid-dar minħabba t-tournaments. Il-ħajja taʼ familti kienet iffokata fuqi—it-trejning tiegħi, ir-rutina tiegħi, u l-karriera tiegħi. Irrealizzajt li kelli nagħmel bidla.

 Kont naf li ħafna nies se jarawha stramba li nieqaf minn karriera taʼ suċċess fl-isports minħabba r-reliġjon. Imma kwalunkwe premju li stajt naqlaʼ fl-isports ma kienx jibda ħdejn l-opportunità li nsir naf iktar lil Ġeħova u ngħix għal dejjem. Allura d-deċiżjoni kienet pjuttost faċli għalija. Kont determinat li ma nħallix dak li jgħid ħaddieħor jeffettwa d-deċiżjoni tiegħi. Vers mill-Bibbja li vera għenni biex ma nċedix għal dak li jgħid ħaddieħor hu Salm 118:6 li jgħid: “Ġeħova qiegħed fuq in-naħa tiegħi; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?”

 F’daż-żmien, xi sponsers għamluli offerta tajba ħafna li kienet se tagħmilhieli possibbli li nilgħab tenis professjonali bla inkwiet taʼ xejn għal snin sħaħ. Imma jien kont diġà ddeċidejt x’se nagħmel, allura m’aċċettajtx l-offerta u eventwalment ma bqajtx nilgħab fit-tournaments tal-ATP. Komplejt nistudja l-Bibbja, u fit-2 taʼ Lulju 1994, tgħammidt bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

KIF IBBENEFIKAJT

 Fil-każ tiegħi, ma kinitx xi esperjenza traġika li ġegħlitni ndur lejn Alla. U lanqas ma kont qed infittex għall-verità. Ħassejt li ma kien jonqosni xejn. Imma, minkejja dan, b’mod li ma kontx qed nistennieh, sibt il-verità tal-Bibbja. Kienet bħallikieku qed tistennieni biex insibha. Sirt naf li hemm iktar minn hekk fil-ħajja, u ħajti saret ħafna aħjar milli qatt stajt nimmaġina! Il-familja hi magħquda iktar minn qatt qabel. U jien vera ferħan li t-tliet subien tiegħi mxew wara l-eżempju tiegħi—mhux bħala plejers professjonali, imma bħala Kristjani.

 Xorta għadni nieħu pjaċir nilgħab it-tenis. Matul is-snin, komplejt f’xogħol li għandu x’jaqsam mat-tenis, pereżempju, bħala kowċ u maniġer taʼ ċentru tat-tenis. Imma l-isports m’għadux l-iktar ħaġa importanti għalija. Qabel kont inqattaʼ ħafna sigħat fil-ġimgħa nittrennja biex insir champion fit-tenis. Issa, bħala wieħed li naħdem full-time fix-xogħol tal-ippritkar, jiena ferħan li nistaʼ nuża l-ħin tiegħi biex ngħin lil oħrajn isiru jafu u japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja li biddlu ħajti stess. L-aqwa ferħ tiegħi jiġi milli npoġġi l-ħbiberija tiegħi maʼ Alla Ġeħova l-ewwel f’ħajti u naqsam m’oħrajn it-tama tiegħi għal futur aħjar.—1 Timotju 6:19.

a ATP tfisser Association of Tennis Professionals. Dan hu l-grupp taʼ nies li jieħu ħsieb serje taʼ tournaments għall-irġiel professjonali fit-tenis. Xi tournaments professjonali jippremjaw lir-rebbieħa bil-punti u l-flus. It-total taʼ punti li jġibu fit-tournaments jiddetermina f’liema post jiġu l-plejers fir-rankings tad-dinja.