Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 20:1-38

  • Pawlu fil-Maċedonja u l-Greċja (1-6)

  • Ewtiku jiġi rxoxtat fi Troas (7-12)

  • Minn Troas għal Miletu (13-16)

  • Pawlu jiltaqaʼ mal-anzjani t’Efesu (17-38)

    • Jgħallem minn dar għal dar (20)

    • “Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu” (35)

20  Meta r-rewwixta kkalmat, Pawlu bagħat għad-dixxipli, u wara li inkuraġġiehom, sellmilhom. Imbagħad beda l-vjaġġ lejn il-Maċedonja.  Wara li għadda mir-reġjuni t’hemm u inkuraġġixxa ħafna lid-dixxipli, hu wasal il-Greċja.  Hu għamel tliet xhur hemm. Imma meta kien se jitlaq bil-baħar lejn is-Sirja, sar jaf li l-Lhud kienu qed jippjanaw biex joqtluh. Għalhekk iddeċieda li jerġaʼ jgħaddi mill-Maċedonja.  Miegħu kien hemm Sopater bin Pirru taʼ Berea, Aristarku u Sekundu minn Tessalonika, Gaju minn Derbe, Timotju, u Tikiku u Trofimu mill-provinċja tal-Asja.  Dawn l-irġiel telqu qabilna u kienu qed jistennewna fi Troas.  Imma aħna tlaqna bil-baħar minn Filippi wara l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira. F’ħamest ijiem wasalna ħdejhom Troas, u għamilna ġimgħa hemm.  Fl-ewwel ġurnata tal-ġimgħa,* meta nġbarna flimkien biex nieklu, Pawlu beda jkellimhom u baqaʼ għaddej sa nofsillejl peress li l-għada kien se jitlaq.  Għalhekk, kien hemm ħafna lampi fil-kamra taʼ fuq fejn konna miġburin.  Waqt li Pawlu kien qed jitkellem, żagħżugħ jismu Ewtiku kien bilqiegħda fil-ħoġor tat-tieqa u raqad fil-fond. Minħabba f’hekk waqaʼ mit-tielet sular, u meta niżlu ħdejh, sabuh mejjet. 10  Imma Pawlu niżel isfel, intefaʼ fuqu, għannqu, u qal: “Tippanikjawx, għax hu ħaj.”* 11  Imbagħad Pawlu telaʼ fuq u beda jiekol. Hu kompla jitkellem sa ma sebaħ, u wara telaq. 12  Għalhekk, in-nies ħadu lit-tifel id-dar ħaj u tgħidx kemm kienu ferħanin. 13  Issa aħna tlajna fuq il-vapur u tlaqna lejn il-belt t’Assos, imma Pawlu mar bil-mixi. Aħna konna miftehmin li niġbru lil Pawlu minn din il-belt. 14  Għalhekk meta laħaqna f’Assos, tellajnieh fuq il-vapur u morna Mitilene. 15  L-għada tlaqna minn hemm u waqafna viċin il-gżira taʼ Kijos. Imbagħad fit-tieni ġurnata waqafna għal ftit f’Samos, u fit-tielet ġurnata wasalna Miletu. 16  Pawlu kien iddeċieda li jgħaddi minn ħdejn Efesu biex ma jeħilx fil-provinċja tal-Asja, għax hu kien qed jgħaġġel biex, jekk jistaʼ jkun, jasal Ġerusalemm għall-Festa taʼ Pentekoste. 17  Madankollu, minn Miletu hu bagħat għall-anzjani* tal-kongregazzjoni t’Efesu. 18  Meta waslu ħdejh, hu qalilhom: “Intom tafu tajjeb kif ġibt ruħi magħkom mill-ewwel ġurnata li ġejt fil-provinċja tal-Asja. 19  Jien qdejt b’umiltà lill-Mulej bħala lsir u bkejt u batejt minħabba l-pjanijiet ħżiena li għamlu l-Lhud kontrija. 20  Minkejja dan, ma żammejtx lura milli ngħidilkom kulma kien taʼ ġid għalikom u milli ngħallimkom fil-pubbliku u minn dar għal dar. 21  Imma jien tajt xhieda fid-dettall lil-Lhud u l-Griegi* dwar li għandhom jindmu u jduru lejn Alla u jkollhom fidi fil-Mulej tagħna Ġesù. 22  U issa qed nivvjaġġa lejn Ġerusalemm, bħalma ggwidani* l-ispirtu qaddis, avolja ma nafx x’se jiġrili hemm. 23  Li naf hu li minn belt għal oħra l-ispirtu qaddis iwissini kemm-il darba li se nbati u niġi arrestat. 24  Minkejja dan, jien ma nqisx lil ħajti importanti.* Dak li hu importanti għalija hu li niġri t-tellieqa sal-aħħar u nlesti x-xogħol qaddis li rċivejt mingħand il-Mulej Ġesù, jiġifieri li nagħti xhieda fid-dettall dwar l-aħbar tajba tal-qalb tajba kbira t’Alla. 25  “Jien ippritkajtilkom dwar is-Saltna t’Alla. Imma mil-lum ’il quddiem mhux se tarawni. 26  Għalhekk, intom xhieda tiegħi llum li m’iniex responsabbli għall-mewt* taʼ xi ħadd. 27  Għax jien ma żammejtx lura milli ngħidilkom dak kollu li se jagħmel Alla.* 28  Oqogħdu attenti għalikom infuskom u ħudu ħsieb il-merħla kollha, li minnha l-ispirtu qaddis inkarigakom biex tieħdu ħsieb u tirgħaw* il-kongregazzjoni t’Alla, li hu xtara bid-demm taʼ Ibnu stess. 29  Jien naf li wara li nitlaq se jidħlu fostkom ilpup ħorox li mhux se jittrattaw lill-merħla bil-ħlewwa, 30  u minn fostkom se jkun hemm irġiel li jgħawġu l-verità biex jiġbdu d-dixxipli għal warajhom. 31  “Għalhekk, ibqgħu għassa, u ftakru li għal tliet snin sħaħ, lejl u nhar, jien ma waqaftx inwissi lil kull wieħed minnkom bid-dmugħ f’għajnejja. 32  Jalla Alla u l-messaġġ dwar il-qalb tajba kbira tiegħu jipproteġukom. Dan il-messaġġ jistaʼ jsaħħaħkom u jagħtikom wirt fost il-qaddisin kollha. 33  Jien qatt ma xtaqt il-fidda, id-deheb, jew il-ħwejjeġ taʼ ħaddieħor. 34  Intom stess tafu li jien ħdimt biex nipprovdi għalija nnifsi u għal dawk li kienu miegħi. 35  F’kollox, jien urejtkom li għandkom taħdmu iebes b’dan il-mod biex tgħinu lil dawk li huma dgħajfin. Ukoll, tridu tiftakru dak li qal il-Mulej Ġesù: ‘Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu milli meta tirċievu.’” 36  Wara li qal dan, hu niżel għarkopptejh magħhom u talab. 37  Huma bdew jibku ħafna, għannqu lil Pawlu, u bisuh b’tenerezza,* 38  għax kienu mdejqin speċjalment minħabba li qalilhom li mhux se jarawh iktar. Imbagħad marru miegħu sal-vapur.

Noti taʼ taħt

Din il-ġurnata għalina hi l-Ħadd.
Jew “għax ruħu qiegħda fih.”
Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
Jew “ħeġġiġni.”
Jew “inqis lil ħajti bla valur.”
Jew “għad-demm.”
Jew “l-iskop kollu t’Alla.”
Jew “inkarigakom bħala indokraturi biex tirgħaw.”
Jew “b’affezzjoni.”