Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ nkampa mal-pubertà?

Kif nistaʼ nkampa mal-pubertà?

 “Il-​pubertà mhix ħaġa sabiħa għat-​tfajliet. Huwa żmien li fih tħossok muġugħa, maħmuġa, u konfuża—tistaʼ tgħid li kwalunkwe ħaġa li għandha x’taqsam magħha hi kerha!”​—Oksana.

 “Filli kont inkun ferħan, u filli f’daqqa waħda kien ikolli d-​dwejjaq. Ma nafx jekk din hix ħaġa normali għas-​subien, imma jien hekk kien ġrali.”​—Brian.

 Il-​pubertà tistaʼ titqabbel maʼ rikba fuq roller-​coaster​—eċċitanti u tal-​biżaʼ fl-​istess ħin! Kif tistaʼ tkampa mas-​sabiħ u l-​ikrah tal-​pubertà?

 X’inhi l-​pubertà?

 Fi kliem sempliċi, il-​pubertà hija fażi tal-​ħajja li fiha jkollok bidliet kbar fiżiċi u emozzjonali li jwassluk biex issir adult. Matul din il-​fażi, ġismek jgħaddi minn bidliet fiżiċi u ormonali f’daqqa li jippreparawk biex ikun jistaʼ jkollok it-​tfal.

 Le, dan ma jfissirx li int lest biex issir ġenitur. Imma l-​pubertà hija sinjal li int m’għadekx tifel jew tifla—fatt li jistaʼ joħloq fik kemm antiċipazzjoni u kemm dwejjaq.

 Kwizz: Mil-​lista taʼ hawn taħt, liema taħseb li hi l-​età normali li tibda l-​pubertà?

  • 8

  • 9

  • 10

  • 11

  • 12

  • 13

  • 14

  • 15

  • 16

 Tweġiba: L-​etajiet kollha huma kkunsidrati bħala normali biex tibda l-​pubertà.

 Dan ifisser li m’għandekx għalfejn tinkwieta żżejjed jekk int għandek kważi 15 jew 16-​il sena u għadek ma bdejtx tiżviluppa—jew jekk għandek inqas minn 10 snin u diġà bdejt tiżviluppa. Il-​pubertà għandha l-​arloġġ bijoloġiku tagħha u m’għandekx kontroll fuqu.

Bħal rikba fuq roller-coaster, il-pubertà tistaʼ tkun kemm eċċitanti u kemm tal-biżaʼ—imma int tistaʼ titgħallem tkampa mas-sabiħ u l-ikrah tagħha

 Tibdil fiżiku

 Forsi l-​iktar tibdil ovvju li jiġi mal-​pubertà hu li tikber f’daqqa. Il-​problema hi li mhux ġismek kollu jikber bl-​istess rata. Allura tiħodhiex bi kbira jekk tkun xi ftit goff fil-​movimenti tiegħek. Serraħ moħħok, maż-​żmien kollox se jiġi għan-​normal.

 Tibdil fiżiku ieħor li jiġi mal-​pubertà.

 Il-​pubertà fis-​subien:

  •   Żvilupp fil-​partijiet privati

  •   Jitlaʼ s-​suf pubiku, taħt l-​idejn, u mal-​wiċċ

  •   Tibdil fil-​leħen

  •   Tqanqil sesswali involontarju u tixrid tal-​isperma matul il-​lejl

 Il-​pubertà fil-​bniet:

  •   Jikber is-​sider

  •   Jitlaʼ s-​suf pubiku u taħt l-​idejn

  •   Jibda jiġihom il-​period

 Il-​pubertà kemm fil-​bniet u kemm fis-​subien:

  •   Irwejjaħ fil-​ġisem, li jiġu minħabba taħlita t’għaraq u batterji.

     Suġġeriment: Int tistaʼ tikkontrolla l-​irwejjaħ taʼ ġismek billi tinħasel spiss u billi tuża deodorant jew xi prodott ieħor għal kontra l-​għaraq.

  •   Ponot fil-​wiċċ (acne), li jiġu minn batterji li jkun hemm fil-​glandoli taż-​żejt fil-​ġilda.

     Suġġeriment: Għalkemm mhux faċli biex tikkontrollahom, jistaʼ jkun t’għajnuna li taħsel wiċċek spiss u tuża prodotti li jnaddfu l-​ġilda.

 Tibdil emozzjonali

 Iż-​żieda f’daqqa fl-​ormoni, li minħabba fiha jkun hemm dan it-​tibdil fiżiku, tistaʼ ġġiegħlek tbati emozzjonalment. Tistaʼ saħansitra tesperjenza bidliet kbar fil-​burdata.

 “Taf tagħmel jum tibki u l-​għada tkun orrajt. Filli tkun irrabjata, u filli tkun dipressa u tmur tistaħba f’kamartek.”​—Oksana.

 Waqt li jkunu qed jiżviluppaw, ħafna żgħażagħ ikunu konxji ħafna tagħhom infushom, bħallikieku kulħadd qed iħares lejhom u jiġġudikahom. U l-​fatt li d-​dehra tiegħek tinbidel ħafna ma jgħinx!

 “Meta kont qed nikber, kont inżomm ruħi mitluqa u nilbes flokkijiet kbar apposta. Għalkemm kont naf għala ġismi kien qed jinbidel, xorta kont inħossni skomda u imbarazzata ħafna. Kienet xi ħaġa stramba.”​—Janice.

 Forsi l-​akbar bidla emozzjonali li se tgħaddi minnha hi li issa jibda jkollok ħarsa totalment differenti lejn dawk tas-​sess oppost.

 “Ma bqajtx naħseb li s-​subien kollha huma antipatki. Issa xi wħud minnhom bdejt narahom ħelwin, u l-​idea li nsir inħobb lil xi ħadd minnhom ma kinitx għadha ddejjaqni. Infatti, ‘min għandu grazzja maʼ min’ sar l-​iktar suġġett li nitkellmu fuqu.”—Alexis.

 Meta jkunu qed jiżviluppaw, xi żgħażagħ iħossuhom miġbudin lejn xi wħud tal-​istess sess tagħhom. Jekk dan jiġri lilek, tikkonkludix li int gay. F’ħafna każi, dawn is-​sentimenti jonqsu maż-​żmien.

 “Minħabba li kont il-​ħin kollu nqabbel lili nnifsi maʼ subien oħra, bdejt inħossni miġbud lejhom. Kien biss lejn l-​aħħar taż-​żgħożija li bdejt ninġibed lejn it-​tfajliet. Is-​sentimenti li kont inħoss lejn dawk tal-​istess sess issa huma biss parti mill-​passat tiegħi.”​—Alan.

 Dak li tistaʼ tagħmel

  •    Ipprova ffoka fuq affarijiet pożittivi. Fir-​realtà, il-​pubertà hija bidla fiżika u emozzjonali li għandek bżonn tgħaddi minnha. Tistaʼ saħansitra tikseb fiduċja mill-​kliem tas-​salmista David, li qal: “Tal-​biżaʼ l-​mod taʼ l-​għaġeb kif jien magħmul.”—Salm 139:14.

  •   Tqabbilx lilek innifsek maʼ oħrajn, u ġġieled it-​tendenza li tiffissa fuq id-​dehra tiegħek. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​bniedem jara dak li jidher f’għajnejh; imma Ġeħova jara l-​qalb.”—1 Samwel 16:7.

  •   Agħmel eżerċizzju u strieħ biżżejjed. Jekk torqod kemm għandek bżonn, int se tkun inqas irritat, stressat, u dipress meta tkun imqajjem.

  •   Taċċettax kull ħsieb negattiv li jgħaddi minn moħħok dwarek innifsek. Veru li kulħadd qiegħed daqstant għassa tiegħek? Anke jekk in-​nies jgħaddu kummenti dwar kemm kbirt, ipprova żomm ħarsa bilanċjata. Il-​Bibbja tgħid: “Tiħux wisq bis-​serjetà l-​kliem kollu li jistgħu jgħidu n-​nies.”—Ekkleżjasti 7:21.

  •   Tgħallem ikkontrolla l-​ġibdiet sesswali tiegħek biex ma taġixxix fuqhom. Il-​Bibbja tgħid: “Aħarbu miż-​żína. . . . Min jipprattika ż-​żína qed jidneb kontra ġismu stess.”—1 Korintin 6:18.

  •   Tkellem maʼ wieħed mill-​ġenituri tiegħek jew m’adult li tafda. Veru, forsi għall-​ewwel tħossok skomdu. Imma l-​għajnuna li tistaʼ tirċievi se tagħmel dan l-​isforz worth it.​—Proverbji 17:17.

 Il-​konklużjoni: Il-​pubertà għandha l-​isfidi tagħha. Imma toffrilek ukoll l-​opportunità li tikber​—mhux biss fiżikament imma wkoll mentalment, emozzjonalment, u spiritwalment.​—1 Samwel 2:26.