Mur fil-kontenut

Is-Saltna t’Alla hi f’qalbek?

Is-Saltna t’Alla hi f’qalbek?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Le, is-​Saltna t’Alla mhijiex sempliċement kundizzjoni fil-​qalb tal-​Kristjani. a Il-​Bibbja tidentifika fejn is-​Saltna verament tinsab billi ssejħilha “s-​Saltna tas-​Smewwiet.” (Mattew 4:17, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Ikkunsidra kif il-​Bibbja turina li s-​Saltna hi gvern reali li qed imexxi mis-​sema.

  •   Is-​Saltna t’Alla għandha mexxejja, sudditi, liġijiet, u għandha skop biex tistabbilixxi r-​rieda t’Alla fis-​sema u anke fuq l-​art.—Mattew 6:10; Rivelazzjoni 5:10.

  •   Il-​gvern, jew is-​Saltna, t’Alla se jmexxi fuq “il-​popli, il-​ġnus, u l-​lingwi” kollha taʼ din l-​art. (Danjel 7:13, 14) L-​awtorità għat-​tmexxija tiegħu tiġi, mhux mis-​sudditi tiegħu, imma direttament minn Alla.—Salm 2:4-​6; Isaija 9:7.

  •   Ġesù qal lill-​appostli leali tiegħu li huma se jingħaqdu miegħu fis-​Saltna tas-​smewwiet biex joqogħdu “bil-​qiegħda fuq tronijiet.”—Luqa 22:28, 30.

  •   Is-​Saltna t’Alla għandha għedewwa, u dawn se teqridhom.—Salm 2:1, 2, 8, 9; 110:1, 2; 1 Korintin 15:25, 26.

 Il-​Bibbja ma tgħallimx li s-​Saltna tas-​smewwiet hi f’qalbek fis-​sens li tmexxi minn ġol-​qalb tal-​individwu. Però, hi turi li “l-​kelma tas-​Saltna” jew “l-​aħbar tajba tas-​Saltna” tistaʼ u għandha teffettwa lil qlubna.—Mattew 13:19; 24:14.

Xi tfisser il-​frażi “s-​Saltna taʼ Alla hi ġo fikom”?

 Xi wħud tħawdu dwar fejn tinsab is-​Saltna minħabba l-​mod kif tpoġġa l-​kliem f’​Luqa 17:21 f’ċerti traduzzjonijiet tal-​Bibbja. Pereżempju, Il-​Bibbja taʼ Saydon tgħid li “s-​Saltna taʼ Alla hi ġo fikom.” Sabiex nifhmu dan il-​vers b’mod korrett, irridu nikkunsidraw il-​kuntest.

Is-Saltna t’Alla ma kinitx f’qalb l-opponenti stinati u qattiela taʼ Ġesù

 Ġesù kien qed jitkellem mal-​Fariżej, grupp taʼ mexxejja reliġjużi li kienu jopponuh u li kellhom sehem f’li joqtluh. (Mattew 12:14; Luqa 17:20) Tagħmel sens li s-​Saltna kienet kundizzjoni f’qalbhom meta kienu tant rashom iebsa? Ġesù qalilhom: “Minn ġewwa mimlijin ipokrisija u ksur tal-​liġi.”—Mattew 23:27, 28.

 Traduzzjonijiet oħra b’eżattezza jikkjarifikaw l-​istqarrija taʼ Ġesù f’​Luqa 17:21: “Is-​Saltna taʼ Alla fostkom qiegħda.” (Tipa grassa tagħna; GħBM) “Is-​saltna t’Alla qiegħda f’nofskom.” (Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida) Is-​Saltna tas-​smewwiet kienet ‘fost’ jew ‘f’nofs’ il-​Fariżej fis-​sens li Ġesù, il-​wieħed li ġie magħżul minn Alla biex imexxi bħala Sultan, kien wieqaf quddiemhom.—Luqa 1:32, 33.

a Ħafna gruppi reliġjużi Kristjani jgħallmu li s-​Saltna t’Alla hi ġewwa l-​persuna, jew f’qalbha. Pereżempju, The Catholic Encyclopedia ssostni: “Is-​saltna t’Alla tfisser . . . it-​tmexxija t’Alla f’qalbna.” B’mod simili, fil-​ktieb tiegħu Jesus of Nazareth, il-​Papa Benedittu XVI jistqarr li “s-​Saltna t’Alla tiġi permezz taʼ qalb ubbidjenti.”