Mur fil-kontenut

X’inhi Babilonja l-Kbira?

X’inhi Babilonja l-Kbira?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Babilonja l-Kbira, li tiġi deskritta fil-ktieb tar-Rivelazzjoni, hi r-reliġjonijiet foloz kollha f’daqqa, u dawn Alla ma jaċċettahomx. a (Rivelazzjoni 14:8; 17:5; 18:21) Għalkemm dawn ir-reliġjonijiet għandhom ħafna affarijiet differenti, b’xi mod jew ieħor ilkoll ibiegħdu lin-nies milli jqimu lill-Alla l-veru, Ġeħova.—Dewteronomju 4:35.

Affarijiet li jgħinuk tidentifika lil Babilonja l-Kbira

  1.   Babilonja l-Kbira hi simbolu. Il-Bibbja tiddeskriviha bħala “mara” u ‘prostituta kbira,’ u li għandha isem li hu “misteru: ‘Babilonja l-Kbira.’” (Rivelazzjoni 17:1, 3, 5) Il-ktieb tar-Rivelazzjoni hu preżentat “b’sinjali,” allura huwa raġunevoli li nikkonkludu li Babilonja l-Kbira hi simbolu u mhux mara letterali. (Rivelazzjoni 1:1) Barra minn hekk, hi “qiegħda bil-qiegħda fuq ħafna ilmijiet,” li jirrappreżentaw “popli u folol u ġnus u ilsna.” (Rivelazzjoni 17:1, 15) Mara letterali ma tistax tagħmel dan.

  2.   Babilonja l-Kbira tirrappreżenta entità internazzjonali. Hi msejħa “l-belt il-kbira li għandha saltna fuq is-slaten taʼ l-art.” (Rivelazzjoni 17:18) B’hekk, hi tistaʼ tinfluwenza lil ħafna pajjiżi madwar id-dinja.

  3.   Babilonja l-Kbira mhix entità politika jew kummerċjali, imma waħda reliġjuża. Babilonja tal-qedem kienet belt reliġjuża ħafna, u kienet magħrufa għall-“magħmul u s-sħarijiet.” (Isaija 47:1, 12, 13; Ġeremija 50:1, 2, 38) Infatti, hemmhekk kienet tiġi prattikata r-reliġjon falza li topponi lill-Alla l-veru, Ġeħova. (Ġenesi 10:8, 9; 11:2-4, 8) Il-ħakkiema taʼ Babilonja b’arroganza kienu jħossu li huma iktar importanti minn Ġeħova u l-qima tiegħu. (Isaija 14:4, 13, 14; Danjel 5:2-4, 23) Bl-istess mod, Babilonja l-Kbira hi magħrufa għall-‘prattiki spiritistiċi tagħha.’ Dan juri li hi organizzazzjoni reliġjuża.—Rivelazzjoni 18:23.

     Babilonja l-Kbira ma tistax tkun entità politika, għax “is-slaten taʼ l-art” se jitnikktu minħabba l-qerda tagħha. (Rivelazzjoni 17:1, 2; 18:9) U lanqas mhi qawwa kummerċjali, għax il-Bibbja tagħmel differenza bejnha u bejn “il-merkanti taʼ l-art.”—Rivelazzjoni 18:11, 15.

  4. Ġebla bis-sultan Babiloniż Nabonidu li fiha simboli tat-tlett allat Sin, Ixtar, u Shamash

      Babilonja l-Kbira taqbel mad-deskrizzjoni tar-reliġjon falza. Minflok ma tgħallem lin-nies kif jersqu eqreb lejn l-Alla l-veru, Ġeħova, ir-reliġjon falza fil-fatt twassalhom biex iqimu allat oħrajn. Il-Bibbja din il-ħaġa tiddeskriviha bħala prostituzzjoni spiritwali. (Levitiku 20:6; Eżodu 34:15, 16) Twemmin bħat-Trinità u l-immortalità tar-ruħ u prattiki bħall-użu tax-xbihat fil-qima jmorru lura għal Babilonja tal-qedem u dawn għadhom parti mir-reliġjon falza. Dawn ir-reliġjonijiet iħalltu wkoll il-qima tagħhom mal-imħabba għad-dinja. Dan in-nuqqas taʼ lealtà fil-qima, il-Bibbja ssejjaħlu adulterju spiritwali.—Ġakbu 4:4.

     L-għana materjali tar-reliġjon falza u l-iffanfrar tagħha jaqblu mal-mod kif il-Bibbja tiddeskrivi lil Babilonja l-Kbira, li hi “mdandna bil-porpra u l-iskarlat u mżejna bid-deheb u l-ħaġar prezzjuż u l-perli.” (Rivelazzjoni 17:4) Babilonja l-Kbira hi s-sors tal-“qżiżijiet taʼ l-art,” jew tat-tagħlim u l-azzjonijiet li jiddiżonoraw lil Alla. (Rivelazzjoni 17:5) Il-membri tar-reliġjon falza huma ‘l-popli, il-folol, il-ġnus, u l-ilsna’ li jappoġġaw lil Babilonja l-Kbira.—Rivelazzjoni 17:15.

 Babilonja l-Kbira hi responsabbli għall-mewt “taʼ dawk kollha li nqatlu fuq l-art.” (Rivelazzjoni 18:24) Matul l-istorja, ir-reliġjon falza mhux biss qanqlet gwerer u ħeġġet atti terroristiċi, imma wkoll naqset milli tgħallem lin-nies il-verità dwar Ġeħova, l-Alla kollu mħabba. (1 Ġwanni 4:8) Dan in-nuqqas wassal biex ikun hawn ħafna tixrid taʼ demm. Mhux taʼ b’xejn li dawk li jridu jogħġbu lil Alla għandhom ‘joħorġu minnha,’ jiġifieri bl-ebda mod ma jkunu parti mir-reliġjon falza.—Rivelazzjoni 18:4; 2 Korintin 6:14-17.