Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tama Vera għal Futur Aħjar

Tama Vera għal Futur Aħjar

 Taħseb li fil-​futur l-​affarijiet se jmorru għall-​aħjar? Ħafna nies jippruvaw jibqgħu pożittivi minkejja l-​problemi kbar li qed jiffaċċjaw. Imma taħseb li l-​affarijiet se jmorru għall-​aħjar? Iva! Il-​Bibbja ttina tama vera għal futur aħjar.

 X’tama tagħtina l-​Bibbja?

 Il-​Bibbja ma tinjorax il-​fatt li n-​nies qed jiffaċċjaw problemi kbar. Però twegħedna li dawn il-​problemi mhux se jeffettwawna għal dejjem. Ejja naraw ftit eżempji.

  •   Problema: Nies mingħajr post fejn jgħixu

     Dak li tgħid il-​Bibbja: ‘Se jibnu djar u jgħixu fihom.’—Isaija 65:21.

     Xi jfisser dan għal futur: Kulħadd se jkollu d-​dar tiegħu.

  •   Problema: Nies bla xogħol u foqra

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “Il-​magħżulin tiegħi se jużaw xogħol idejhom bis-​sħiħ.”—Isaija 65:22.

     Xi jfisser dan għal futur: In-​nies kollha se jkollhom xogħol taʼ sodisfazzjon u li jieħdu pjaċir jagħmlu.

  •   Problema: Nies ma jiġux ittrattati sew

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “Prinċpijiet se jaħkmu għall-​ġustizzja.”—Isaija 32:1.

     Xi jfisser dan għal futur: In-​nies mhux se jiġu trattati ħażin minħabba r-​razza tagħhom, it-​tip taʼ xogħol li jagħmlu, jew għax m’għandhomx flus. Kulħadd se jiġi trattat sew.

  •   Problema: Nies bil-​ġuħ

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-​art; fuq il-​qċaċet tal-​muntanji jkun hemm iżżejjed.”—Salm 72:16.

     Xi jfisser dan għal futur: Kulħadd se jkollu ħafna ikel u dieta bilanċjata. Ħadd mhu se jorqod bil-​ġuħ.

  •   Problema: Kriminalità u vjolenza

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “U joqogħdu bil-​qiegħda, kull wieħed taħt id-​dielja tiegħu u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.”—Mikea 4:4.

     Xi jfisser dan għal futur: Kulħadd se jkollu moħħu mistrieħ għax mhux se jkun hawn nies ħżiena, u ‘n-​nies tajbin se jirtu l-​art.’—Salm 37:10, 29.

  •   Problema: Gwerer

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “Ġens ma jerfax sejf kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-​gwerra.”—Isaija 2:4.

     Xi jfisser dan għal futur: Se jkun hawn paċi mad-​dinja kollha. (Salm 72:7) Ħadd mhu se jkun imdejjaq għax ikun tilef lil xi ħadd li jħobb jew ikollu jaħrab minn pajjiżu minħabba l-​gwerra.

  •   Problema: Mard

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.”’—Isaija 33:24.

     Xi jfisser dan għal futur: In-​nies mhux se jimirdu iktar jew ikollhom xi diżabilità. (Isaija 35:5, 6) Il-​Bibbja twegħedna wkoll li mhux se ‘jkun hemm iżjed mewt.’—Rivelazzjoni 21:4.

  •   Problema: Ħsara lill-​ambjent

     Dak li tgħid il-​Bibbja: “Ix-​xagħri u r-​reġjun bla ilma se jifirħu, u l-​pjanura tad-​deżert se tifraħ u twarrad bħaż-​żagħfran.”—Isaija 35:1.

     Xi jfisser dan għal futur: Id-​dinja kollha se tkun ġnien sabiħ biex igawduha n-​nies. Alla minn dejjem hekk xtaq.—Ġenesi 2:15; Isaija 45:18.

 It-​tama li tagħtina l-​Bibbja hi biss ħolma?

 Għandek raġun jekk tħossok hekk. Imma ninkuraġġuk tara x’tgħid iżjed il-​Bibbja dwar il-​futur. Għala? Dak li twegħedna l-​Bibbja huwa differenti milli jwegħduna jew jaħsbu n-​nies għall-​futur. Il-​wegħdi li hemm fil-​Bibbja huma mingħand Alla. Ejja naraw għala dan hu importanti:

  •   Alla hu taʼ min jafdah. Il-​Bibbja tgħid li Alla “ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) Tgħid ukoll li Alla biss jistaʼ jgħid x’se jiġri fil-​futur. (Isaija 46:10) Il-​Bibbja fiha ħafna eżempji fejn naraw li dak li jgħid Alla dwar il-​futur dejjem isir. Għal iktar informazzjoni, ara l-​vidjow Kif nistgħu nkunu ċerti li l-​Bibbja hi vera?

  •   Alla għandu l-​qawwa jsolvi l-​problemi tagħna. Il-​Bibbja tgħid li Alla tant hu b’saħħtu li ‘kulma Ġeħova jogħġbu jagħmel, jagħmlu.’ (Salm 135:5, 6) Dan ifisser li xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Alla milli jagħmel dak li jwegħedna. L-​isbaħ ħaġa hi: Alla jrid jgħinna għax iħobbna.—Ġwanni 3:16.

 Imma forsi ssaqsi, ‘Jekk Alla jrid jgħinna u għandu s-​saħħa biex jgħinna, għala xorta għandna dawn il-​problemi kollha?’ Biex tkun taf it-​tweġiba, ara l-​vidjow Alla għala jippermetti t-​tbatija?

 Kif se ssir din il-​wegħda?

 Alla se juża s-​Saltna tiegħu, jiġifieri gvern fis-​sema, biex iżomm il-​wegħdi tiegħu. Hu għażel lil Ġesù Kristu biex imexxi din is-​Saltna, u tah l-​awtorità biex jieħu ħsieb id-​dinja u n-​nies. Meta Ġesù kien fuq l-​art, fejjaq lill-​morda, ta l-​ikel lil min kien bil-​ġuħ, ikkontrolla t-​temp, u anke qajjem lin-​nies mill-​mewt. (Marku 4:39; 6:41-​44; Luqa 4:40; Ġwanni 11:43, 44) B’hekk uriena x’se jagħmel bħala r-​Re tas-​Saltna t’Alla.

 Ara l-​vidjow X’Inhi s-​Saltna t’Alla? biex titgħallem x’se tagħmel is-​Saltna t’Alla għalik.

 Meta se ssir din il-​wegħda?

 Daqt! Kif nistgħu nkunu ċerti? Il-​Bibbja qalet li se jiġru ċerti affarijiet. Dawn juruna li s-​Saltna t’Alla daqt se tibda tmexxi fuq l-​art. (Luqa 21:10, 11) Dawn l-​affarijiet qed narawhom fid-​dinja bħalissa.

 Biex titgħallem aktar, ara l-​artiklu “Is-​Saltna t’Alla Meta Se Tmexxi għal fuq l-​Art?

 Kif tistaʼ t-​tama li hemm fil-​Bibbja tgħinna bħalissa?

 Kittieb fil-​Bibbja qabbel it-​tama li għandna fil-​Bibbja maʼ “ankra għal ruħna.” (Ebrej 6:19) Bħalma ankra tgħin vapur jibqaʼ stabbli f’maltempata, it-​tama vera mill-​Bibbja se tgħinna niffaċċjaw il-​problemi li għandna. Din it-​tama se tgħinna nibqgħu kalmi u kuntenti, nirraġunaw sew, u anki nibqgħu b’saħħitna.—1 Tessalonikin 5:8.