Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-Dinja Dalwaqt Se Tispiċċa? Il-Bibbja Tgħid li d-Dinja Se Tinqered Għalkollox?

Id-Dinja Dalwaqt Se Tispiċċa? Il-Bibbja Tgħid li d-Dinja Se Tinqered Għalkollox?

 X’jiġik f’moħħok meta tismaʼ li d-​dinja “se tinqered”? Forsi taħseb dwar diżastru kbir li warajh ma jibqaʼ xejn u ħadd ħaj fuq l-​art. Xi wħud jemmnu li fid-​dinja dalwaqt se tiġri xi ħaġa bħal din, speċjalment meta jisimgħu aħbarijiet bħal dawn li ġejjin:

  •   “Hemm possibiltà kbira li tinqalaʼ gwerra nukleari. Jistaʼ jkun li tibda bi ħsieb, bi żball, jew għax ikun hemm nuqqas taʼ qbil.”—Bulletin of the Atomic Scientists.

  •   “Għal dawn l-​aħħar għaxar snin kien hemm rekord taʼ maltempati kbar, nirien fil-​foresti, nixfa, coral bleaching minħabba temperaturi estremi u tinġis fil-​baħar, heat waves, u għargħar madwar id-​dinja kollha.”—National Geographic.

  •   “L-​ammont kbir taʼ ġurati li qed ikun hemm fl-​Afrika f’dawn l-​aħħar snin qed jagħmel iktar ħsara mis-​snin taʼ qabel.”—The Associated Press.

 Id-​dinja se tinqered għalkollox? Il-​Bibbja x’tgħid?

Id-​dinja li ngħixu fiha se tinqered?

 Le. Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, turina b’mod ċar li d-​dinja se tibqaʼ għal dejjem. (Ekkleżjasti 1:4) Alla mhux se jeqred id-​dinja li ħalaq, minflok hu jgħidilna li se “jinqerdu dawk li qegħdin jeqirdu d-​dinja.”—Apokalissi 11:18, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

Id-​dinja dalwaqt se tispiċċa?

 Skont il-​Bibbja, id-​“dinja” li se tispiċċa tirreferi għal dawk in-​nies li mhux qed jgħixu ħajjithom kif togħġob lil Alla u jagħmlu dak li jridu huma. Eżatt bħalma ġara fi żmien Noè, Alla se jeqred “dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.”—2 Pietru 2:5; 3:7.

 Kif jurina l-​1 Ġwanni 2:17, “id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll.” Dan il-​vers jurina li Alla se jeqred lil dawk in-​nies li jibqgħu jagħmlu affarijiet ħżiena, u mhux id-​dinja li ngħixu fiha, jiġifieri l-​art.

Dan meta se jseħħ?

 Il-​Bibbja ma tgħidilniex eżatt meta. (Mattew 24:36) Però, din turina li t-​tmiem hu fil-​qrib. Il-​Bibbja tgħidilna li se jiġru dawn l-​affarijiet:

 Ħafna nies jaqblu li mill-​1914, dak li beda jiġri fid-​dinja jaqbel maʼ dak li tgħid il-​Bibbja u li issa wasalna fl-​aħħar. Għal iktar informazzjoni, ara l-​artikli “Il-​kronoloġija tal-​Bibbja x’turi dwar is-​sena 1914?” u “X’inhu s-​sinjal tal-​‘aħħar jiem,’ jew ‘żmien it-​tmiem’?

L-​aħħar ktieb tal-​Bibbja jgħid li d-​dinja se tinqered għalkollox?

 Le. L-​aħħar ktieb tal-​Bibbja jsemmi “r-​rivelazzjoni tal-​Mulej Ġesù,” li tirreferi għal meta Ġesù se jiġi bil-​qawwa tiegħu bħala sultan biex jeqred lil dawk in-​nies li qed jagħmlu l-​ħażen u jippremja lil dawk li qed jgħixu ħajjithom kif jixtieq Alla.—2 Tessalonikin 1:6, 7; 1 Pietru 1:7, 13.

 Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, jew Apokalissi, isemmi affarijiet li se jiġru fil-​futur. (Rivelazzjoni 1:1) Dan il-​ktieb fih aħbar tajba u messaġġ taʼ tama. (Rivelazzjoni 1:3) Dan juri li Alla se jneħħi l-​inġustizzja kollha li hawn u jbiddel id-​dinja f’ġenna tal-​art. F’dak iż-​żmien, in-​nies mhux se jgħaddu mit-​tbatija u l-​uġigħ, u mhux se jkun hemm iżjed mewt.—Rivelazzjoni 21:3, 4.

 Tixtieq titgħallem dwar dawn il-​wegħdi sbieħ li hemm fil-​Bibbja? Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova lesti li jistudjaw il-​Bibbja miegħek b’xejn biex b’hekk titgħallem iżjed.