Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irreżisti t-Tentazzjoni li Tqabbel Lilek Innifsek m’Oħrajn

Irreżisti t-Tentazzjoni li Tqabbel Lilek Innifsek m’Oħrajn

It-2 Sigriet

Irreżisti t-​Tentazzjoni li Tqabbel Lilek Innifsek m’Oħrajn

IL-​BIBBJA X’TGĦALLEM? “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”—Galatin 6:4.

X’INHI L-​ISFIDA? Għandu mnejn ikollna t-​tendenza li nqabblu lilna nfusna m’oħrajn—kultant maʼ dawk li jkollhom inqas affarijiet minna, imma ħafna drabi maʼ dawk li jkunu b’saħħithom, għonja, jew intelliġenti iktar minna. Hi x’inhi r-​raġuni, l-​effett huwa wieħed negattiv. Aħna niżbaljaw meta nassumu li l-​valur taʼ individwu jitkejjel minn dak li jippossiedi jew minn dak li jkun kapaċi jagħmel. Għandu mnejn ukoll inqanqlu sentimenti taʼ għira u spirtu taʼ kompetizzjoni.—Ekkleżjasti 4:4.

X’TISTAʼ TAGĦMEL? Ipprova ħares lejk innifsek bħalma jħares lejk Alla. Ħalli l-​ħarsa tiegħu teffettwalek il-​mod kif tqis lilek innifsek. “Il-​bniedem jara dak li jidher f’għajnejh; imma Ġeħova a jara l-​qalb.” (1 Samwel 16:7) Ġeħova jkejjel il-​valur tiegħek billi jaqralek qalbek u jeżaminalek il-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u l-​intenzjonijiet tiegħek, u mhux billi jqabblek maʼ xi bniedem ieħor. (Ebrej 4:12, 13) Ġeħova jaf li għandek il-​limitazzjonijiet u jridek tipprova tgħix fi qbil maʼ dawn il-​limitazzjonijiet. Jekk tkejjel il-​valur tiegħek stess billi tqabbel lilek innifsek m’oħrajn, tispiċċa jew imkabbar jew dejjem imdejjaq. Għalhekk, kun modest u aċċetta l-​fatt li ma tistax tmur tajjeb f’kull ħaġa li tagħmel.—Proverbji 11:2.

Xi trid tagħmel eżattament biex tkun taʼ valur f’għajnejn Alla? Hu nebbaħ lill-​profeta Mikea biex jikteb: “Hu qallek, O bniedem, x’inhu tajjeb. U x’qed jitlob minnek Ġeħova ħlief li tkun ġust u li tħobb il-​qalb tajba u li tkun modest fil-​mixi tiegħek m’Alla?” (Mikea 6:8) Jekk timxi fuq dan il-​parir, Alla se jieħu ħsiebek. (1 Pietru 5:6, 7) Din hi l-​aqwa raġuni biex inkunu kuntenti!

[Nota taʼ taħt]

a L-​isem t’Alla kif jinsab fil-​Bibbja.

[Stampa f’paġna 5]

Ġeħova jkejjel il-​valur tagħna permezz taʼ dak li hemm f’qalbna