Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meta l-ulied jitnikktu minħabba mewt

Meta l-ulied jitnikktu minħabba mewt

Imnikket int minħabba l-mewt taʼ membru tal-familja? Jekk iva, kif tistaʼ tkampa mat-telfa tiegħek? Ikkunsidra kif il-Bibbja għenet tliet żgħażagħ ikampaw propju maʼ din l-isfida.

L-ISTORJA TAʼ DAMI

Dami

Għall-ewwel, donna kienet sempliċi wġigħ taʼ ras. Imma meta l-uġigħ li kellu missieri mar għall-agħar, ommi ċemplet ambulanza. Għadni niftakar il-paramediċi jiħduh. Fejn kont nobsor li din kienet se tkun l-aħħar darba li kont se narah ħaj. Tlett ijiem wara, missieri miet minħabba anewriżma. Jien kelli biss sitt snin.

Għal snin sħaħ, kont inwaħħal fija nnifsi għall-mewt taʼ missieri. Il-ħin kollu kont inġib quddiem għajnejja x-xena taʼ meta ħaduh il-paramediċi, u kont insaqsi lili nnifsi: ‘Għala bqajt iċċassata hemm? Għala m’għamilt xejn?’ Kont inħares lejn uħud akbar fl-età li kellhom problemi taʼ saħħa u bejni u bejn ruħi kont ngħid, ‘Għala dawn ħajjin u missieri mejjet?’ Maż-żmien, ommi għenitni nitkellem dwar dak li kont qed inħoss. U bħala Xhieda taʼ Ġeħova, kellna appoġġ mill-aqwa mill-kongregazzjoni.

Xi nies jaħsbu li għandek tkun imnikket eżatt wara t-traġedja u li mbagħad jgħaddilek. Imma fil-każ tiegħi, kien meta bdejt iż-żgħożija li kont verament imnikkta minħabba f’hekk.

Il-parir tiegħi liż-żgħażagħ li tilfu ġenitur fil-mewt hu, “Tkellem maʼ xi ħadd dwar dak li tkun għaddej minnu. Jistaʼ jkun li iktar maʼ tiftaħ qalbek malajr, iktar se jkun taʼ ġid għalik.”

Iva, hu diffiċli li nkun naf li missieri mhuwiex se jkun hemm miegħi meta ngħaddi minn esperjenzi sinifikanti f’ħajti. Imma jien insib faraġ fil-wegħda tal-Bibbja li nsibu f’Rivelazzjoni 21:4, li tgħid li Alla dalwaqt se ‘jixxottalna kull demgħa minn għajnejna, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.’

L-ISTORJA TAʼ DERRICK

Derrick

L-isbaħ memorji li għandi taʼ missieri huma taʼ meta konna mmorru nistadu u nikkampjaw fil-muntanji. Hu kien iħobb il-muntanji.

Missieri kellu problemi b’qalbu għal xi żmien; niftakar li mort narah l-isptar xi darba jew darbtejn meta kont żgħir. Imma ma kontx fhimt kemm kienet serja l-marda tiegħu. Missieri miet meta jien kelli disaʼ snin.

Wara li miet, bkejt fuq li bkejt. Kont inħossni qisni qed nifga, u ma ridt inkellem lil ħadd. Qatt ma ħassejtni daqshekk ħażin f’ħajti kollha, u ma kelli aptit nagħmel xejn aktar. Il-grupp taʼ żgħażagħ tal-knisja li kont parti minnhom għall-ewwel urew interess fija, imma dan l-interess ma damx ma sfaxxa fix-xejn. In-nies hemmhekk kienu jgħidu affarijiet bħal, “Kien wasal il-waqt taʼ missierek” jew “Alla sejjaħlu” jew “Issa qiegħed fis-sema.” Dawn l-istqarrijiet qatt ma kienu jissodisfawni, imma ma kontx naf dak li l-Bibbja tgħallem verament dwar dawn l-affarijiet.

Imbagħad ommi bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, u iktar tard jien u ħija ngħaqadna magħha. Tgħallimna dwar il-kundizzjoni tal-mejtin kif ukoll dwar il-wegħda taʼ faraġ li tana Alla dwar l-irxoxt. (Ġwanni 5:28, 29) Imma l-iskrittura li l-iktar għenitni kienet Isaija 41:10, fejn Alla jgħid: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.” Il-fatt li kont naf li Ġeħova kien miegħi matul dan iż-żmien diffiċli kien taʼ faraġ kbir, u dan għadu jgħodd.

L-ISTORJA TAʼ JEANNIE

Jeannie

Meta kelli sebaʼ snin, ommi mietet bil-kanċer. Dakinhar kont qisni qed ngħix f’ħolma kerha. Niftakar li hi mietet id-dar u li kien hemm in-nanniet. Niftakar li kulħadd kien kalm. Għadni niftakar x’kilna filgħaxija. Ħassejt qisu l-ħin kien waqaf waqt li ħajti kienet qed tinqaleb taʼ taħt fuq.

Dak iż-żmien—u għal snin sħaħ wara dan—kont naħseb li kelli nkun b’saħħti minħabba oħti ż-żgħira, allura ma kontx nesprimi l-emozzjonijiet tiegħi. Anki llum, għandi l-vizzju li nżomm kollox ġo fija, u dan ma jagħmilx tajjeb.

Niftakar l-imħabba u l-appoġġ li kellna mill-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm konna għadna kif bdejna nattendu l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna, sħabna fit-twemmin għenuna daqslikieku konna parti mill-familja tagħhom għal snin sħaħ. Naħseb missieri ma kellux għalfejn isajjar għal sena sħiħa għax dejjem konna nsibu l-ikel wara l-bieb.

Skrittura li tispikka għalija hi Salm 25:16, 17. Hemmhekk is-salmista talab bil-ħniena lil Alla: “Dawwar wiċċek lejja, u ħenn għalija; għax jien ninsab waħdi u qed insofri. In-niket taʼ qalbi żdied bil-bosta; O eħlisni mill-pressjonijiet tiegħi.” Huwa taʼ faraġ għalija li naf li qatt m’int verament waħdek meta tkun imdejjaq. Alla hu hemm għalik. Bl-għajnuna tal-Bibbja, jien stajt nimxi ’l quddiem b’ħajti u niffoka fuq affarijiet pożittivi, bħal pereżempju fuq il-wegħda tal-irxoxt li nsibu fil-Bibbja u li tagħtina faraġ. Jien għandi tama li nerġaʼ nara lil ommi u nsir nafha b’saħħa perfetta f’ġenna tal-art.—2 Pietru 3:13.

Tixtieq iktar informazzjoni dwar il-messaġġ taʼ faraġ tal-Bibbja għal dawk li qed jitnikktu? Niżżel kopja b’xejn tal-browxer bl-Ingliż “When Someone You Love Dies.” Mur fuq www.isa4310.com, u kklikkja fuq PUBLICATIONS > BOOKS & BROCHURES.