L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 5:1-47

  • Raġel marid jiġi mfejjaq f’Betzata (1-18)

  • Ġesù jingħata awtorità mingħand Missieru (19-24)

  • Il-mejtin se jisimgħu leħen Ġesù (25-30)

  • Xhieda dwar Ġesù (31-47)

5  Wara dan, kien hemm festa tal-Lhud, u Ġesù telaʼ Ġerusalemm.  Issa f’Ġerusalemm ħdejn Bieb in-Nagħaġ kien hemm għadira* li bl-Ebrajk jisimha Betzata. Din kellha ħames loġoġ bil-kolonni.  Ħdejn il-kolonni kien ikun hemm ħafna nies morda, ma jarawx, izappu, u oħrajn li kellhom idejhom jew saqajhom ipparalizzati.* 4 *——  Kien hemm ukoll raġel li kien ilu marid 38 sena.  Ġesù ra lil dan ir-raġel mixħut mal-art, u peress li kien jaf li kien ilu ħafna marid, staqsieh: “Tixtieq tfiq?”  Ir-raġel wieġbu: “Sinjur, m’għandi lil ħadd biex iniżżilni fl-għadira meta l-ilma jkun qed jiċċaqlaq, u waqt li nkun sejjer, xi ħadd ieħor jinżel qabli.”  Ġesù qallu: “Qum, erfaʼ s-sodda tiegħek, u imxi.”  U r-raġel fieq mill-ewwel, refaʼ s-sodda tiegħu, u beda jimxi. Dakinhar kien is-Sabat. 10  Għalhekk, il-Lhud bdew jgħidu lir-raġel imfejjaq: “Illum is-Sabat, u skont il-Liġi ma tistax iġġorr is-sodda tiegħek.” 11  Imma hu wiġibhom: “Dak li fejjaqni qalli, ‘Erfaʼ s-sodda tiegħek u imxi.’” 12  Huma staqsewh: “Min hu r-raġel li qallek hekk?” 13  Imma r-raġel ma kienx jaf min fejqu, għax Ġesù kien telaq minn hemm u mar ġol-folla. 14  Wara dan, Ġesù sabu fit-tempju u qallu: “Issa li fiqt, tkomplix tidneb ħalli ma jiġrilekx xi ħaġa agħar.” 15  Ir-raġel telaq u qal lil-Lhud li kien Ġesù li fejqu. 16  Minħabba f’hekk, il-Lhud bdew jippersegwitaw lil Ġesù, għax kien qed jagħmel dawn l-affarijiet fis-Sabat. 17  Imma hu qalilhom: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, allura jien nibqaʼ naħdem.” 18  Minħabba f’hekk, il-Lhud iktar bdew jipprovaw joqtluh, għax hu mhux biss kien qed jikser il-liġi tas-Sabat, imma kien qed jgħid li Alla hu Missieru, u b’hekk qed jagħmel lilu nnifsu daqs Alla. 19  Għalhekk, Ġesù wiġibhom: “Naċċertakom li jien, l-Iben, ma nistaʼ nagħmel xejn minn jeddi, imma nagħmel biss dak li nara lill-Missier jagħmel. Għax jien nagħmel l-affarijiet bħal Missieri. 20  Għax Missieri jħobbni u jurini l-affarijiet kollha li jagħmel, u se jurini affarijiet akbar minn dawn, ħalli intom tibqgħu mistagħġbin. 21  Bħalma l-Missier jirxoxta lill-mejtin, anki jien, l-Iben, nirxoxta lil min irrid. 22  Għax il-Missier ma jiġġudika lil ħadd, imma ħalla f’idejja biex niġġudika lil kulħadd, 23  sabiex ikunu jistgħu jonorawni bħalma jonoraw lill-Missier. Kull min ma jonorax lili, l-Iben, ma jonorax lill-Missier li bagħatni. 24  Naċċertakom li kull min jismaʼ dak li ngħid jien u jemmen lil dak li bagħatni jkollu l-ħajja taʼ dejjem u ma jiġix ikkundannat, għax ikun qisu bħal xi ħadd li kien mejjet u issa ħaj. 25  “Naċċertakom li issa wasal iż-żmien meta l-mejtin se jisimgħu leħni, l-Iben t’Alla, u dawk li jkunu taw kas, se jgħixu. 26  Il-Missier għandu l-qawwa li jagħti l-ħajja* u lili tani l-qawwa li nagħti l-ħajja wkoll. 27  Hu tani l-awtorità biex niġġudika, għax jien Bin il-bniedem. 28  Tistagħġbux b’dan, għax ġej żmien li dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħni 29  u joħorġu. Dawk li għamlu t-tajjeb se jingħataw il-ħajja taʼ dejjem,* imma dawk li għamlu l-ħażin se jiġu ġġudikati.* 30  Jien ma nistaʼ nagħmel xejn minn jeddi. Jien niġġudika lin-nies skont dak li jgħidli l-Missier. Jien niġġudikahom b’mod ġust, għax ma nagħmilx dak li rrid jien imma dak li jrid il-Missier li bagħatni. 31  “Jekk jien biss ngħid lin-nies dwari, huma mhux se jemmnu dak li ngħid. 32  Imma hemm xi ħadd ieħor li jgħid lin-nies dwari, u jien naf li dak li jgħid hu veru. 33  Intom bgħattu xi rġiel għand Ġwanni, u hu ta xhieda vera dwari. 34  Jien m’għandix bżonn lil xi ħadd jgħid lin-nies dwari, imma qed ngħid dan ħalli intom tkunu tistgħu ssalvaw. 35  Dan ir-raġel kien bħal lampa tixgħel u tiddi, u għal xi żmien intom kontu lesti li tifirħu ħafna fid-dawl tiegħu. 36  Ġwanni qal lin-nies li jien intbgħatt minn Missieri, imma jien għandi provi iktar importanti minn hekk. Dan hu l-fatt li jien qed nagħmel ix-xogħol li qabbadni nagħmel il-Missier. 37  Ukoll, il-Missier ikkonferma li bagħatni. Intom qatt ma smajtu leħnu jew rajtuh, 38  u kliemu mhuwiex ġo qalbkom, għax intom lanqas biss temmnu lili, li ntbgħatt minnu. 39  “Intom qed tfittxu fl-Iskrittura, għax taħsbu li permezz tagħha jistaʼ jkollkom il-ħajja taʼ dejjem, filwaqt li l-Iskrittura stess tagħti xhieda dwari. 40  Minkejja dan, intom ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja taʼ dejjem. 41  Jien ma naċċettax tifħir mingħand in-nies, 42  imma intom iva. Jien naf sew li intom ma tħobbux lil Alla. 43  Jien ġejt f’isem Missieri, imma intom ma taċċettawnix. Li kieku ġie xi ħadd ieħor f’ismu stess, intom kontu taċċettawh. 44  Kif tistgħu temmnu, meta qed taċċettaw it-tifħir mingħand xulxin u mhux qed tfittxu li tiġu approvati mill-uniku Alla? 45  Taħsbux li se nakkużakom jien quddiem il-Missier. Dak li se jakkużakom hu Mosè, il-wieħed li ttamajtu fih. 46  Fil-fatt, li kieku emmintu lil Mosè kontu temmnu lili, għax hu kiteb dwari. 47  Imma jekk ma temmnux dak li kiteb hu, kif tistgħu temmnu dak li ngħid jien?”

Noti taʼ taħt

Jiġifieri pool.
Letteralment “nexfin.”
Ara App. A3.
Letteralment “għandu l-ħajja fih innifsu.”
Letteralment “irxoxt taʼ ħajja.”
Letteralment “irxoxt taʼ ġudizzju.”