L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 8:12-59

  • Il-Missier jagħti xhieda dwar Ġesù (12-30)

    • Ġesù hu “bħal dawl li jgħin lin-nies jaraw” (12)

  • It-tfal t’Abraham (31-41)

    • “Il-verità teħliskom” (32)

  • It-tfal tax-Xitan (42-47)

  • Ġesù u Abraham (48-59)

8   12  Imbagħad Ġesù reġaʼ qal lin-nies: “Jien bħal dawl li jgħin lin-nies jaraw. Kull min jiġi warajja żgur ma jimxix fid-dlam, imma se jkollu d-dawl li jagħti l-ħajja.” 13  Allura l-Fariżej qalulu: “Int tagħti xhieda dwarek stess, allura ma nistgħux nemmnuk.” 14  Ġesù wieġeb: “Anki jekk jien nagħti xhieda dwari stess, dak li ngħid hu veru, għax jien naf minn fejn ġejt u fejn sejjer. Imma intom ma tafuhx dan. 15  Intom tiġġudikaw skont kif taħsbuha.* Jien ma niġġudika lil ħadd. 16  U anki jekk niġġudika, jien nagħmel dan kif suppost, għax jien ma nagħmilx dan waħdi, imma nagħmlu mal-Missier li bagħatni. 17  Ukoll, il-Liġi tagħkom stess tgħid: ‘Jekk żewġ xhieda jgħidu l-istess ħaġa, mela x-xhieda tagħhom hi vera.’ 18  Jien nagħti xhieda dwari, u anki l-Missier li bagħatni jagħti xhieda dwari.” 19  Imbagħad qalulu: “Fejn hu Missierek?” Ġesù wiġibhom: “Intom la tafu lili u lanqas lil Missieri. Kieku kontu tafuni, kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll.” 20  Hu qal hekk fil-post fejn jinżammu l-kaxxi tal-kontribuzzjonijiet waqt li kien qed jgħallem fit-tempju. Imma ħadd m’arrestah għax kien għadu mhux iż-żmien għal dan. 21  Għalhekk reġaʼ qalilhom: “Jien sejjer u intom se tfittxuni. Minkejja dan, se tmutu waqt li tkunu għadkom bid-dnub. Intom ma tistgħux tiġu fejn sejjer jien.” 22  Il-Lhud bdew jgħidu: “Mhux beħsiebu joqtol lilu nnifsu, hux? Għax hu qed jgħid, ‘Intom ma tistgħux tiġu fejn sejjer jien.’” 23  Hu kompla jgħidilhom: “Intom mill-art, imma jien mis-sema. Intom minn din id-dinja, imma jien le. 24  Hu għalhekk li għedtilkom li se tmutu waqt li tkunu għadkom bid-dnub. Għax jekk ma temmnux li jien il-wieħed li kellu jiġi, intom se tmutu waqt li tkunu għadkom bid-dnub.” 25  Għalhekk bdew jistaqsuh: “Min int?” Ġesù wiġibhom: “Ma nafx għala qed naħli l-ħin magħkom! 26  Għandi ħafna x’ngħid dwarkom u hemm ħafna affarijiet x’niġġudika. Fil-fatt, jien qed ngħid eżatt dak li smajt mingħand il-Wieħed li bagħatni fid-dinja. Hu dejjem jgħid il-verità.” 27  Huma ma fehmux li kien qed ikellimhom dwar il-Missier. 28  Imbagħad Ġesù qal: “Lili, Bin il-bniedem, se ddendluni maʼ zokk. Wara, se tkunu tafu min jien u li ma nagħmel xejn minn jeddi, imma ngħid eżatt dak li għallimni l-Missier. 29  Dak li bagħatni qiegħed miegħi. Hu ma telaqnix waħdi, għax jien dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” 30  Waqt li kien qed jgħid dan, ħafna nies bdew juru fidi fih. 31  Imbagħad Ġesù kompla jgħid lil-Lhud li emmnuh: “Jekk tkomplu tobdu t-tagħlim tiegħi, tkunu vera d-dixxipli tiegħi, 32  u tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.” 33  Huma wiġbuh: “Aħna niġu minn Abraham u qatt ma konna lsiera taʼ ħadd. Allura kif qed tgħidilna, ‘Se tinħelsu’?” 34  Ġesù wiġibhom: “Naċċertakom li kull min jidneb hu lsir tad-dnub. 35  Iktar minn hekk, l-ilsir ma jibqax fid-dar taʼ sidu għal dejjem, imma t-tifel tas-sid jibqaʼ għal dejjem. 36  Għalhekk, jekk l-Iben jeħliskom, se tkunu meħlusin għalkollox. 37  Jien naf li intom ġejjin minn Abraham. Imma intom qed tipprovaw toqtluni, għax ma taċċettawx it-tagħlim tiegħi. 38  Jien nitkellem dwar l-affarijiet li rajt waqt li kont maʼ Missieri, imma intom tagħmlu dak li smajtu mingħand missierkom.” 39  Huma wiġbuh: “Missierna hu Abraham.” Ġesù qalilhom: “Li kieku intom it-tfal t’Abraham, timitaw l-eżempju tiegħu. 40  Imma issa qed tipprovaw toqtluni, avolja għedtilkom il-verità li smajt mingħand Alla. Abraham żgur li ma kienx jagħmel hekk. 41  Intom qed tagħmlu bħal missierkom.” Huma qalulu: “Aħna ma twilidniex mill-immoralità.* Missier wieħed għandna, lil Alla.” 42  Ġesù qalilhom: “Kieku Alla kien Missierkom, kontu tħobbuni, għax jien ġejt mingħandu u għalhekk qiegħed hawnhekk. Mhux jien stess iddeċidejt li niġi, imma kien Hu li bagħatni. 43  Intom ma tridux taċċettaw it-tagħlim tiegħi. Hu għalhekk li ma tistgħux tifhmuni. 44  Missierkom hu x-Xitan, u intom tixtiequ tagħmlu bħalu. Hu kien qattiel mill-bidu* u ma żammx mal-verità, għax il-verità mhix f’qalbu. Meta jigdeb, hu juri x’inhu, għax hu giddieb u missier il-gidba. 45  Mill-banda l-oħra, għax jien ngħid il-verità, intom ma temmnunix. 46  Min minnkom jistaʼ jsibni ħati taʼ xi dnub? Jekk ngħid il-verità, għala ma temmnunix? 47  Dawk li missierhom hu Alla, jisimgħu dak li jgħid Alla. Imma intom ma tridux tisimgħu, għax Alla mhuwiex missierkom.” 48  B’hekk il-Lhud qalulu: “Sewwa ngħidu li int Samaritan u għandek demonju fik!” 49  Ġesù wiġibhom: “Jien m’għandix demonju fija. Jien nonora lil Missieri, imma lili intom ma tonorawnix. 50  Jien m’iniex infittex li niġi mfaħħar. Hu Alla li jixtieq li niġi mfaħħar u hu l-imħallef. 51  Naċċertakom li jekk xi ħadd jobdi t-tagħlim tiegħi, qatt ma jmut.” 52  Il-Lhud qalulu: “Issa ċerti li għandek demonju fik. Abraham miet u anki l-profeti, imma int qed tgħid li jekk xi ħadd jobdi t-tagħlim tiegħek, qatt ma jmut. 53  M’intix aħjar minn missierna Abraham li miet, hux hekk? Anki l-profeti mietu. Min qed taħseb li int?” 54  Ġesù wieġeb: “Jekk infaħħar lili nnifsi, dan ma jkun jiswa xejn. Hu Missieri li jfaħħarni, dak li intom tgħidu li hu l-Alla tagħkom. 55  Madankollu intom ma sirtux tafuh, imma jien nafu. U jekk ngħid li ma nafux, inkun qed nigdeb bħalkom. Imma jien vera nafu u qed nobdih. 56  Missierkom Abraham kien iħares ’il quddiem għall-ġurnata meta niġi jien. Hu immaġina* din il-ġurnata u feraħ.” 57  Imbagħad il-Lhud qalulu: “Kif jistaʼ jkun li rajt lil Abraham jekk lanqas biss għandek 50 sena?” 58  Ġesù qalilhom: “Naċċertakom li kont neżisti qabel Abraham.” 59  Għalhekk, qabdu l-ġebel biex iwaddbuhulu, imma Ġesù staħba u ħareġ mit-tempju.

Noti taʼ taħt

Letteralment “il-ġisem.”
Jew “mill-immoralità sesswali.” Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “meta beda.”
Jew “ra.”