Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tuża int it-teknoloġija diġitali bil-għaqal?

Tuża int it-teknoloġija diġitali bil-għaqal?

Jenni hi mitlufa wara logħba tal-kompjuter. “Qed nilgħabha tmien sigħat kuljum issa,” tgħid hi, “u saret problema kbira.”

Dennis ipprova jgħaddi mingħajr l-apparat elettroniku tiegħu u l-aċċess għall-internet għal sebat ijiem sħaħ. Irnexxielu jissaporti 40 siegħa biss.

Jenni u Dennis mhumiex żgħażagħ. Jenni, omm taʼ erbat itfal, għandha 40 sena. Dennis għandu 49.

TUŻAHA int it-teknoloġija diġitali? * Ħafna jgħidu iva, u jkollhom raġun. L-apparat elettroniku għandu rwol prominenti u bżonjuż fuq ix-xogħol, fil-ħajja soċjali, u fid-divertiment.

Madankollu, bħal Jenni u Dennis, ħafna nies jidhru li huma ggranfati mal-użu taʼ ċerta teknoloġija. Pereżempju, Nicole, t’20 sena, tgħid, “Nobgħod nammetti, imma l-ħabib tal-qalb tiegħi hu l-mowbajl. Nagħmel ċert li dejjem ikun qribi l-ħin kollu. Niġġennen jekk inkun f’post fejn il-mowbajl ma jaqbadx, u wara nofsiegħa, ikolli sebaʼ mitt sena sakemm inkun nistaʼ nerġaʼ niċċekkja l-messaġġi. Hu naqra banali!”

Xi nies saħansitra jiċċekkjaw l-apparat elettroniku tagħhom għal messaġġi u aġġornamenti matul il-lejl. Jistgħu jesperjenzaw sintomi taʼ rtirar (withdrawal symptoms) meta jkunu ’l bogħod minn seħibhom diġitali. Xi riċerkaturi jiddeskrivu dan it-tip taʼ aġir bħala vizzju—kemm jekk għat-teknoloġija diġitali inġenerali jew speċifikament għall-Internet jew xi apparat partikulari bħal xi smartphone (mowbajl li jistaʼ jaqbad mal-Internet). Oħrajn jaħsbuha darbtejn biex jużaw il-kelma “vizzju” u jippreferu jiddeskrivu fissazzjoni bħal din bħala problema, nuqqas taʼ kontroll, jew ossessjoni.

Issejjaħlu xi ssejjaħlu, l-użu ħażin tat-teknoloġija diġitali jistaʼ jkun problema. F’xi każi, bena ħajt bejn il-membri tal-familja. Pereżempju, tfajla t’20 sena tgħid: “Missieri m’għadux jaf x’inhu jiġri f’ħajti. Joqgħod bilqiegħda fis-salott jikteb l-e-mails fl-istess ħin li jkun qed jitkellem miegħi. Ma jistax jitlaq il-mowbajl minn idejh. Missieri aktarx li jimpurtah minni, imma kultant jidher li dan mhux minnu.”

“Detox diġitali”

Biex jgħinu lin-nies jegħlbu l-użu ħażin tat-teknoloġija, xi pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti waqqfu ċentri taʼ “detox diġitali,” fejn dak li jkun ma jkollux aċċess għall-Internet u l-apparat diġitali għal diversi jiem. Pereżempju, ikkunsidra lil Brett, adult żagħżugħ li jgħid li kien hemm żmien meta kien jilgħab logħba onlajn għal xi 16-il siegħa kuljum. “Kull meta kont immur onlajn, kont inkun qisni taħt l-influwenza tad-drogi,” jgħid hu. Sakemm Brett daħal f’ċentru tad-detox diġitali, kien bla xogħol, kien ittraskura l-iġjene tiegħu u kienu telquh sħabu. Kif tistaʼ tipprevieni sitwazzjoni taʼ ħasra bħal din?

QIS L-UŻU TIEGĦEK TAT-TEKNOLOĠIJA. Ara x’impatt għandha fuq ħajtek it-teknoloġija. Staqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal:

  • Nitbaqbaq għalxejn, forsi anki jitilgħuli, meta ma nkunx nistaʼ naqbad mal-Internet jew nuża l-apparat elettroniku tiegħi?

  • Nibqaʼ nuża l-Internet jew l-apparat elettroniku ħafna wara l-ħin li nkun iddeċidejt li nieqaf nużah?

  • Qiegħed jien nitlef l-irqad bżonjuż għax ma nistax nieqaf niċċekkja l-messaġġi li jidħluli?

  • L-użu tiegħi tat-teknoloġija qed iġegħelni nittraskura ’l familti? Il-membri tal-familja jaqblu mat-tweġiba tiegħi għal din il-mistoqsija?

Jekk l-użu tiegħek tat-teknoloġija qed iġiegħlek tittraskura “dak li hu iktar importanti”—inkluż lil familtek u responsabbiltajiet oħra—issa hu ż-żmien biex tagħmel it-tibdil. (Filippin 1:10) Kif?

TGĦALLEM AGĦMEL LIMITI RAĠUNEVOLI. Iż-żejjed minn anki ħaġa tajba jistaʼ jkun taʼ ħsara. Għalhekk, kemm jekk tuża t-teknoloġija għax-xogħol u kemm għad-divertiment, illimita kemm se ddum tagħmel dan, u mbagħad żomm maʼ dak il-limitu.

Suġġeriment: Għala ma tistaqsix membru tal-familja jew ħabib jgħinek? Il-Bibbja tgħid: “Tnejn aħjar minn wieħed, . . . għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu.”—Ekkleżjasti 4:9, 10.

Tħallix il-ħajra twassal għall-vizzju

Hekk kif apparat ġdid li joħroġ jagħmilha iżjed faċli u veloċi biex tiġi trasmessa l-informazzjoni, l-użu ħażin tat-teknoloġija bla dubju se jikber. Tħallix il-ħajra twassal għall-vizzju. Billi ‘tuża l-ħin bl-aħjar mod,’ tistaʼ tevita li tuża ħażin it-teknoloġija diġitali.—Efesin 5:16.

^ par. 5 F’dan l-artiklu, il-frażi “teknoloġija diġitali” tirreferi għal apparat elettroniku li jaċċessa jew jibgħat informazzjoni diġitali inkluż e-mails, telefonati, messaġġi bil-mowbajl, vidjows, mużika, logħob, u ritratti.