Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta’ Ġeħova Għala Ma Jiħdux Demm?

Ix-Xhieda ta’ Ġeħova Għala Ma Jiħdux Demm?

Ideat żbaljati komuni

 Ħrafa: Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jemmnux li t-tobba jistgħu jgħinuhom, u għalhekk ma jfittxux kura medika.

 Fatt: Aħna nfittxu l-aqwa kura medika kemm għalina u kif ukoll għall-familji tagħna. Meta jkollna problema taʼ saħħa, immorru għand tobba li huma tas-sengħa f’li jipprovdu kura medika u kirurġija mingħajr demm. Aħna napprezzaw l-avvanz li sar fil-mediċina. Infatti, kura mingħajr demm li ġiet żviluppata biex tgħin lill-pazjenti li huma Xhieda taʼ Ġeħova issa qed tintuża biex jibbenefikaw nies oħrajn. F’ħafna pajjiżi, kwalunkwe pazjent issa jistaʼ jagħżel li jevita r-riskji bħall-mard li jittieħed mid-demm, reazzjonijiet negattivi għas-sistema tal-immunità, u żbalji umani li jiġu mit-trasfużjoni tad-demm.

 Ħrafa: Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li l-mard li jkollu pazjent jistaʼ jitfejjaq bil-fidi.

 Fatt: Aħna ma nipprattikawx il-fejqan bil-fidi (faith healing).

 Ħrafa: Kura mingħajr demm hi għalja wisq.

 Fatt: Kura medika li ma tinvolvix l-użu tad-demm hi ekonomika. a

 Ħrafa: Ħafna Xhieda, inkluż tfal, imutu kull sena minħabba li jirrifjutaw it-trasfużjonijiet tad-demm.

 Fatt: Din l-istqarrija hija ħażina għalkollox. Il-kirurgi spiss jagħmlu operazzjonijiet komplikati fuq il-qalb, operazzjonijiet ortopediċi, u trapjanti tal-organi mingħajr l-użu tad-demm. b Il-pazjenti, inkluż it-tfal, li ma jiħdux id-demm ġeneralment imorru tajjeb daqs dawk li jkunu aċċettaw trasfużjoni jew aħjar. c Hu x’inhu l-każ, ħadd ma jistaʼ jgħid biċ-ċert li pazjent se jmut minħabba li jirrifjuta d-demm jew li se jgħix għax jaċċettah.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala ma jiħdux demm?

 Din hi kwistjoni reliġjuża iktar milli waħda medika. Kemm it-Testment il-Qadim kif ukoll il-Ġdid jagħtu kmand ċar biex wieħed jitbiegħed mid-demm. (Ġenesi 9:4; Levitiku 17:10; Dewteronomju 12:23; Atti 15:28, 29) Barra minn hekk, f’għajnejn Alla, id-demm jirrappreżenta l-ħajja. (Levitiku 17:14) Għalhekk, aħna nevitaw li nieħdu d-demm mhux biss biex nobdu lil Alla imma wkoll b’rispett lejh bħala d-Donatur tal-ħajja.

L-opinjonijiet jinbidlu

Operazzjonijiet komplikati jistgħu jsiru mingħajr l-użu tad-demm.

 Xi żmien ilu, il-qasam mediku ġeneralment kien iqis strateġiji biex jiġu evitati t-trasfużjonijiet, l-hekk imsejħa kirurġija mingħajr demm, bħala estremi, saħansitra suwiċidjali, imma fi żminijiet reċenti dan il-ħsib inbidel. Pereżempju, fl-2004, artiklu ppubblikat f’rivista medika qal li “ħafna mill-proċeduri żviluppati biex jintużaw fuq pazjenti li huma Xhieda taʼ Ġeħova se jintużaw fuq il-pazjenti kollha fis-snin li ġejjin.” d Fl-2010, artiklu fir-rivista Heart, Lung and Circulation qal li “‘kirurġija mingħajr l-użu tad-demm’ m’għandhiex tintuża biss fuq ix-X[hieda taʼ] Ġ[eħova] imma għandha tkun parti mill-prattika taʼ kuljum fil-kirurġija.”

 Madwar id-dinja, eluf taʼ tobba issa qegħdin jużaw proċeduri biex ma jintilifx demm waqt operazzjonijiet komplikati mingħajr trasfużjonijiet. Alternattivi bħal dawn għat-trasfużjonijiet tad-demm qed jiġu użati anke f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u qed jintalbu minn ħafna pazjenti li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova.

a Ara Transfusion and Apheresis Science, Volum 33, Nru. 3, p. 349.

b Ara The Journal of Thoracic and Cardiovascular Surgery, Volum 134, Nru. 2, pp. 287-288; Texas Heart Institute Journal, Volum 38, Nru. 5, p. 563; Basics of Blood Management, p. 2; u Continuing Education in Anaesthesia, Critical Care & Pain, Volum 4, Nru. 2, p. 39.

c Ara The Journal of Thoracic and Cardiovascular Surgery, Volum 89, Nru. 6, p. 918; u Heart, Lung and Circulation, Volum 19, Nru. 9, p. 658.

d Continuing Education in Anaesthesia, Critical Care & Pain, Volum 4, Nru. 2, paġna 39.