Mur fil-kontenut

Tgħallem il-Bibbja li ‘jekk tkun salvat darba, tkun salvat dejjem’?

Tgħallem il-Bibbja li ‘jekk tkun salvat darba, tkun salvat dejjem’?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Le, ma tgħallimx li jekk ‘tkun salvat darba, tkun salvat dejjem.’ Individwu li jkun kiseb is-salvazzjoni b’fidi f’Ġesù Kristu jistaʼ jitlef din il-fidi u s-salvazzjoni li ġġib magħha. Il-Bibbja tgħid li biex ma nitilfux il-fidi hemm bżonn li nagħmlu sforz kbir, jew ‘niġġieldu bl-aħrax.’ (Ġuda 3, 5) Il-Kristjani tal-bidu li kienu diġà aċċettaw lil Kristu ntqalilhom: “Ibqgħu wettqu s-salvazzjoni tagħkom bil-biżaʼ u t-tregħid.”—Filippin 2:12.

Versi tal-Bibbja li jagħtu prova li t-tagħlim ‘jekk tkun salvat darba, tkun salvat dejjem’ mhuwiex minnu

  •   Il-Bibbja twissi kontra dnubiet serji li jżommu individwu milli jidħol fis-Saltna t’Alla. (1 Korintin 6:9-11; Galatin 5:19-21) Li kieku s-salvazzjoni ma tistax tintilef, twissijiet bħal dawn kienu jkunu bla sens. Minflok, il-Bibbja turi li xi ħadd li jkun ġie salvat jistaʼ jerġaʼ jaqaʼ fi dnub serju u jitlef dik is-salvazzjoni. Pereżempju, Ebrej 10:26 jgħid: “Jekk wara li nkunu rċivejna l-għarfien eżatt dwar il-verità nipprattikaw id-dnub għax irridu, ma jibqaʼ ebda sagrifiċċju għad-dnubiet.”—Ebrej 6:4-6; 2 Pietru 2:20-22.

  •   Ġesù enfasizza l-importanza taʼ li nżommu l-fidi billi ta tixbiha li fiha qabbel lilu nnifsu maʼ dielja u s-segwaċi tiegħu maʼ friegħi f’dik id-dielja. Xi wħud minnhom għal xi żmien kienu se juru l-fidi fih bil-frott tagħhom, jew l-azzjonijiet, iżda maż-żmien kienu se jonqsu li jagħmlu dan u ‘jintremgħu bħal fergħa’ li ma tagħmilx frott, u b’hekk jitilfu s-salvazzjoni tagħhom. (Ġwanni 15:1-6) L-appostlu Pawlu uża tixbiha simili, billi qal li l-Kristjani li jitilfu l-fidi tagħhom se ‘jitqaċċtu.’—Rumani 11:17-22.

  •   Il-Kristjani huma kmandati biex ‘jibqgħu għassa.’ (Mattew 24:42; 25:13) Dawk li jorqdu spiritwalment, għax jipprattikaw “l-għemejjel tad-dlam” jew għax ma jwettqux bis-sħiħ l-għemejjel li kkmanda Ġesù, jitilfu s-salvazzjoni tagħhom.—Rumani 13:11-13; Rivelazzjoni 3:1-3.

  •   Ħafna skritturi juru li dawk li ġew salvati xorta jridu jistabru lealment sat-tmiem. (Mattew 24:13; Ebrej 10:36; 12:2, 3; Rivelazzjoni 2:10) Il-Kristjani tal-ewwel seklu ferħu meta saru jafu li sħabhom fit-twemmin kienu qed jistabru fil-fidi tagħhom. (1 Tessalonikin 1:2, 3; 3 Ġwanni 3, 4) Huwa raġunevoli li l-Bibbja tenfasizza s-sabar leali jekk dawk li ma jistabrux xorta se jiġu salvati?

  •   Kien biss meta kien wasal biex imut li l-appostlu Pawlu ħass li s-salvazzjoni tiegħu kienet fiż-żgur. (2 Timotju 4:6-8) Iktar kmieni f’ħajtu, hu rrikonoxxa li xorta setaʼ jitlef is-salvazzjoni jekk iċedi għax-xewqat tal-laħam. Hu kiteb: “Insawwat lil ġismi u njassru, sabiex, wara li nkun ippridkajt lil oħrajn, jien stess ma niġix diżapprovat b’xi mod.”—1 Korintin 9:27; Filippin 3:12-14.