Mur fil-kontenut

L-Esperjenzi taʼ Min Kien f’Ħalq il-Mewt—X’Ma Jfissrux?

L-Esperjenzi taʼ Min Kien f’Ħalq il-Mewt—X’Ma Jfissrux?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Ħafna nies li kienu kważi mietu jgħidu li jiftakru li ġew separati minn maʼ ġisimhom jew li raw dawl qawwi jew post sabiħ ħafna. Ktieb jgħid: ‘Xi wħud iqisu l-esperjenza bħala li kellhom il-privileġġ li jaraw qasam ieħor taʼ eżistenza.’ (Recollections of Death) Għalkemm il-Bibbja ma ssemmix esperjenzi taʼ min kien f’ħalq il-mewt bħal dawn, fiha verità fundamentali li turi li dawn mhumiex viżjonijiet tal-ħajja li jmiss.

 Il-mejtin ma jafu xejn.

Il-Bibbja tgħid li “l-mejtin ma jafu assolutament xejn.” (Ekkleżjasti 9:5) Fil-mewt ma mmorrux f’qasam ieħor, imma sempliċement ma nibqgħux neżistu. It-tagħlim li għandna ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara li mmutu mhuwiex Skritturali. (Eżekjel 18:4) B’hekk, kwalunkwe memorja minn esperjenza taʼ min kien f’ħalq il-mewt ma tistax tkun dehra tas-sema, tal-infern, jew tal-ħajja wara l-mewt.

 Lazzru semma xi ħaġa dwar ħajja wara l-mewt?

Ir-rakkont dwar Lazzru fil-Bibbja jiddeskrivi mewt li ġrat vera: Lazzru ġie rxoxtat minn Ġesù wara li kien ilu mejjet erbat ijiem. (Ġwanni 11:38-44) Li kieku Lazzru kien qed igawdi xi tip taʼ ħajja wara l-mewt, Ġesù kien ikun kattiv li jerġaʼ jqajmu għall-ħajja fuq l-art. Madankollu, il-Bibbja ma tgħidx li Lazzru qal xi ħaġa dwar ħajja wara l-mewt. Żgur li Lazzru kien jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu dwar il-ħajja wara l-mewt li kieku kellu ħajja oħra. B’mod sinifikanti, Ġesù qabbel il-mewt taʼ Lazzru mal-irqad, u b’hekk indika li waqt li Lazzru kien mejjet hu ma kien jaf assolutament xejn.—Ġwanni 11:11-14.