Mur fil-kontenut

Min hu l-arkanġlu Mikiel?

Min hu l-arkanġlu Mikiel?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Mikiel, li xi reliġjonijiet jirreferu għalih bħala “San Mikiel,” huwa bla dubju isem li ngħata lil Ġesù qabel u wara l-​ħajja tiegħu fuq l-​art. a Mikiel kellu tilwima maʼ Satana wara l-​mewt taʼ Mosè. Ukoll, kien il-​wieħed li għen anġlu jwassal il-​messaġġ t’Alla lill-​profeta Danjel. (Danjel 10:13, 21; Ġuda 9) Mikiel iwettaq bis-​sħiħ it-​tifsir taʼ ismu—“Min Hu bħal Alla?”—billi jiddefendi t-​tmexxija t’Alla u jiġġieled kontra l-​għedewwa t’Alla.—Danjel 12:1; Rivelazzjoni 12:7.

 Ikkunsidra raġunijiet għala hu korrett li nikkonkludu li Ġesù hu l-​arkanġlu Mikiel.

  •   Mikiel hu “l-​arkanġlu.” (Ġuda 9) It-​titlu “arkanġlu,” li jfisser “kap tal-​anġli,” jidher biss f’żewġ versi fil-​Bibbja. Fiż-​żewġ versi, it-​terminu jidher fis-​singular, u allura jagħti x’jifhem li anġlu wieħed biss iġorr dan it-​titlu. Vers minnhom jgħid li l-​Mulej Ġesù rxoxtat se “jinżel mis-​sema b’sejħa taʼ kmand, b’leħen t’arkanġlu.” (1 Tessalonikin 4:16) Ġesù għandu “leħen t’arkanġlu” għax hu l-​arkanġlu, Mikiel.

  •   Mikiel imexxi armata t’anġli. “Mikiel u l-​anġli tiegħu tqabdu mad-​dragun,” Satana. (Rivelazzjoni 12:7) Mikiel għandu awtorità kbira fil-​qasam tal-​ispirti, għax hu jissejjaħ “wieħed mill-​prinċpijiet ewlenin” u “l-​prinċep il-​kbir.” (Danjel 10:13, 21; 12:1) Dawn it-​titli jagħtu stampa taʼ Mikiel bħala li hu “l-​kmandant li jagħti l-​ordnijiet lill-​armati t’anġli,” skont studjuż tat-​Testment il-​Ġdid David E. Aune.

     Il-​Bibbja ssemmi biss isem ieħor li għandu awtorità fuq armata t’anġli. Din tispjega “r-​rivelazzjoni tal-​Mulej Ġesù mis-​sema maʼ l-​anġli setgħanin tiegħu f’nar iħeġġeġ, hekk kif iġib vendetta.” (2 Tessalonikin 1:7, 8; Mattew 16:27) Ukoll, tgħid li Ġesù “mar fis-​sema; u l-​anġli u l-​awtoritajiet u l-​qawwiet intgħamlu sottomessi lejh.” (1 Pietru 3:21, 22) Allura, ma jagħmilx sens li Alla jpoġġi lil Ġesù u ’l Mikiel, kmandanti tal-​anġli qaddisin, bħala avversarji taʼ xulxin. Minflok, ikun iktar raġunevoli li nikkonkludu li ż-​żewġ ismijiet, Ġesù u Mikiel, jirreferu għall-​istess persuna.

  •   Mikiel se “jqum” matul “żmien taʼ niket” li qatt ma kien hawn bħalu. (Danjel 12:1) Fil-​ktieb taʼ Danjel, l-​espressjoni “jqum” spiss tirreferi għal sultan li jqum biex jieħu azzjoni speċjali. (Danjel 11:2-​4, 21) Ġesù Kristu, li hu identifikat bħala “Il-​Kelma t’Alla,” se jieħu azzjoni speċjali bħala s-​“Sultan tas-​slaten” biex jeqred l-​għedewwa kollha t’Alla u jipproteġi lill-​poplu t’Alla. (Rivelazzjoni 19:11-​16) Hu se jagħmel dan f’xi żmien matul it-​“tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja.”—Mattew 24:21, 42.

a Il-​Bibbja tirreferi għal ċerti persuni b’ismijiet differenti, bħal pereżempju Ġakobb (jissejjaħ ukoll Iżrael), Pietru (jissejjaħ ukoll Xmun), u Taddew (jissejjaħ ukoll Ġuda).—Ġenesi 49:1, 2; Mattew 10:2, 3; Marku 3:18; Atti 1:13.