Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif għandek tiddixxiplina lil uliedek?

Kif għandek tiddixxiplina lil uliedek?

“Bla sabar qgħadt nismaʼ l-​ħoss taʼ kull karozza li tgħaddi. Din kienet it-​tielet darba li Jordan ma kienx żamm il-​ħin li tajnieh. ‘Fejn qiegħed?’ bdejt naħseb. ‘Inqalagħlu xi ħaġa? Jaf kemm qegħdin ninkwetaw għalih?’ Sa ma wasal, kont għoddni se nisplodi.”GEORGE.

“Binti werżqet twerżiqa li kexkxitni. Dort u rajtha żżomm rasha u tibki. Ħuha t’erbaʼ snin kien għadu kif lagħabhielha.”—NICOLE.

“‘Iċ-​ċurkett ma sraqtux. Sibtu!’ qalet Natalie, bintna taʼ sitt snin, għajnejha kbar u blu mimlijin innoċenza. Meta baqgħet tiċħad, tant weġġajna li bkejna. Konna nafu li kienet qed tigdeb.”—STEPHEN.

JEKK int ġenitur, tistaʼ tifhem l-​emozzjonijiet espressi f’dawn l-​istqarrijiet? Meta tħabbat wiċċek maʼ sitwazzjonijiet simili, taħseb int kif—jew wara kollox għandekx—tiddixxiplina lil ibnek? Hu ħażin li tiddixxiplina lil uliedek?

X’INHI D-DIXXIPLINA?

Fil-​Bibbja, il-​kelma għal “dixxiplina” mhijiex sempliċement kelma oħra għal kastig. Id-​dixxiplina primarjament għandha x’taqsam mat-​tagħlim, l-​edukazzjoni, u l-​korrezzjoni. Qatt mhi marbuta maʼ abbuż jew moħqrija.—Proverbji 4:1, 2.

Id-​dixxiplina tal-​ġenituri tistaʼ titqabbel max-​xogħol taʼ ġardinar. Dan jipprepara l-​ħamrija, isaqqi u jagħti s-​sustanzi lill-​pjanta, u jipprovdi protezzjoni mill-​insetti u l-​ħaxix ħażin. Hekk kif il-​pjanta tikber, il-​ġardinar għandu mnejn ikollu jiżborha sabiex jgħinha tkompli tikber fid-​direzzjoni t-​tajba. Hu jaf li taħlita tajba taʼ tekniki differenti se tgħinu jipproduċi pjanta f’saħħitha. Il-​ġenituri wkoll jieħdu ħsieb uliedhom b’ħafna modi. Imma xi drabi jeħtieġ li jagħtu dixxiplina—li, bħaż-​żbir, tistaʼ tikkoreġi inklinazzjonijiet ħżiena mill-​ewwel u tgħin lil uliedhom jikbru fid-​direzzjoni t-​tajba. Madankollu, iż-​żbir għandu jsir bl-​attenzjoni, għax il-​pjanta tistaʼ ssirilha ħsara permanenti. Daqstant ieħor, id-​dixxiplina tal-​ġenituri għandha tingħata bl-​imħabba.

L-​Alla tal-​Bibbja, Ġeħova, jagħti eżempju mill-​isbaħ lill-​ġenituri f’dan ir-​rigward. Id-​dixxiplina li hu jagħti lill-​aduraturi ubbidjenti tiegħu fuq l-​art tant hi effettiva u taʼ min jixtieqha li dawn attwalment isiru ‘jħobbu d-​dixxiplina.’ (Proverbji 12:1) Huma ‘jaqbdu sew mad-​dixxiplina’ u ma ‘jitilquhiex.’ (Proverbji 4:13) Int tistaʼ tgħin lil ibnek jirreaġixxi b’mod pożittiv billi timita mill-​qrib tliet fatturi prinċipali taʼ kif Alla jagħti d-​dixxiplina: (1) bl-​imħabba, (2) bir-​raġunevolezza, u (3) bil-​konsistenza.

DIXXIPLINA BL-IMĦABBA

L-​imħabba hi kemm il-​bażi kif ukoll il-​motivazzjoni għad-​dixxiplina li jagħti Alla. Il-​Bibbja tgħid: “Ġeħova jwiddeb lil min iħobb, bħalma jagħmel missier lil ibnu li bih jitgħaxxaq.” (Proverbji 3:12) Iżjed minn hekk, Ġeħova hu “ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja.” (Eżodu 34:6) Għal din ir-​raġuni, Ġeħova qatt mhu abbużiv jew kattiv. Lanqas ma jirrikorri għal kliem iebes, kritika kontinwa, jew sarkażmu li jweġġaʼ, li kollha kemm huma jistgħu jweġġgħu bħallikieku “b’daqqiet taʼ sejf.”—Proverbji 12:18.

ISMAʼ

Veru, mhux possibbli għall-​ġenituri li jimitaw għalkollox l-​eżempju perfett tar-​rażan t’Alla. Kultant tistaʼ tħoss li jkun impossibbli li tibqaʼ turi paċenzja, imma waqt dawk il-​ħinijiet partikularment diffiċli, dejjem ftakar li kastig li jiġi mir-​rabja ġeneralment ikun oppressiv, estrem, u jaħdem bil-​kontra. Iktar minn hekk, kastig immotivat mir-​rabja jew mill-​frustrazzjoni wara kollox mhuwiex dixxiplina. Hu sempliċement nuqqas taʼ rażan.

Mill-​banda l-​oħra, meta tiddixxiplina bl-​imħabba u r-​rażan, aktarx ikollok riżultati aħjar. Ara kif ittrattaw l-​affarijiet George u Nicole, tnejn mill-​ġenituri kkwotati fil-​bidu.

ITLOB

“Meta fl-​aħħar wasal Jordan, jien u marti konna qed nitqattgħu minn ġewwa, imma trażżanna waqt li qgħadna nisimgħu l-​ispjegazzjoni tiegħu. Ladarba kien tard wisq, iddeċidejna li filgħodu niddiskutu x’kien ġara. Tlabna flimkien u morna norqdu. L-​għada, konna f’sitwazzjoni ħafna aħjar biex niddiskutu s-​sitwazzjoni bil-​kalma u nilħqu qalb it-​tifel. Hu qabel mar-​restrizzjonijiet u aċċetta r-​responsabbiltà għall-​imġiba tiegħu. Ferħanin li rrealizzajna li jekk taġixxi mill-​ewwel meta tkun irrabjat, il-​ħaġa taħdem kontrik. Ġeneralment kien ikollna l-​aħjar riżultati meta l-​ewwel konna nisimgħu.”—George.

TKELLEM

“Irrabjajt ferm meta rajt l-​uġigħ li ibni kkawża lil oħtu għalxejn b’xejn. Minflok ma rreaġixxejt mill-​ewwel, bgħattu f’kamartu għax kont irrabjata wisq biex nieħu deċiżjoni tajba. Imbagħad, meta kkalmajt, spjegajt bla tlaqliq li l-​vjolenza mhix aċċettabbli u wrejtu kemm kien weġġaʼ lil oħtu. Dixxiplina b’dan il-​mod jidher li għamlet effett fih. Hu talab skuża lil oħtu u għannaqha.”Nicole.

Iva, dixxiplina tajba, anki meta tinvolvi kastig, dejjem tkun immotivata mill-​imħabba.

DIXXIPLINA RAĠUNEVOLI

Ġeħova dejjem jagħti dixxiplina ‘kemm ikun mistħoqq.’ (Ġeremija 30:11; 46:28) Hu jikkunsidra ċ-​ċirkustanzi kollha, inkluż dak li mhux ovvju. Kif jistgħu jagħmlu l-​istess il-​ġenituri? Stephen, ikkwotat fl-​introduzzjoni, jispjega: “Għalkemm ħassejna ruħna mweġġgħin ħafna u ma stajniex nifhmu għala Natalie baqgħet tiċħad dwar iċ-​ċurkett, ipprovajna nqisu l-​età u l-​livell taʼ maturità tagħha.”

Robert, ir-​raġel taʼ Nicole, ukoll jipprova jieħu inkonsiderazzjoni ċ-​ċirkustanzi kollha. Meta t-​tfal joqogħdu mqarbin, hu jistaqsi lilu nnifsu darba wara l-​oħra: ‘Dan hu inċident taʼ darba jew drawwa negattiva li ilha għaddejja? It-​tifel għajjien jew ma jiflaħx? Hija din l-​imġiba sintomu taʼ problema oħra?’

Ġenituri raġunevoli jiftakru wkoll li t-​tfal mhumiex adulti fiċ-​ċokon. L-​appostlu Kristjan Pawlu rrikonoxxa dan il-​fatt meta kiteb: “Meta kont tifel ċkejken, kont nitkellem taʼ tifel, naħseb taʼ tifel, nirraġuna taʼ tifel.” (1 Korintin 13:11) Robert jgħid: “Ħaġa li tgħinni ma nesaġerax u jkolli ħarsa bbilanċjata hi li nfakkar lili nnifsi x’kont nagħmel meta kont tifel jien.”

Huwa vitali li tkun realistiku fl-​istennijiet tiegħek u, fl-​istess ħin, li ma tiġġustifikax jew taċċetta kondotta jew attitudnijiet ħżiena. Billi tqis l-​abbiltajiet u l-​limitazzjonijiet taʼ wliedek u ċirkustanzi oħrajn, int se tiżgura li d-​dixxiplina tiegħek tkun ibbilanċjata u raġunevoli.

DIXXIPLINA KONSISTENTI

‘Jien Ġeħova; jien ma ninbidilx,’ jgħid Malakija 3:6. Il-​qaddejja t’Alla jistrieħu fuq din il-​verità u jħossuhom siguri. It-​tfal ukoll għandhom bżonn iħossuhom siguri permezz taʼ dixxiplina konsistenti. Jekk il-​livelli tiegħek jinbidlu skont il-​burdata, ibnek jistaʼ jħossu konfuż u frustrat.

Ftakar li Ġesù qal: “Il-​kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-​Le, Le.” Dan il-​kliem japplika tajjeb għat-​trobbija tat-​tfal. (Mattew 5:37) Aħseb sew qabel ma tagħti ultimatum li m’intix biħsiebek iżżomm. Jekk tavża lil ibnek li se tiddixxiplinah jekk joqgħod imqareb, kun ċert li żżomm kelmtek.

Komunikazzjoni tajba min-​naħa tal-​ġenituri hi essenzjali għal dixxiplina konsistenti. Robert jispjega: “Jekk it-​tfal jirnexxilhom iġegħluni nċedi għal xi ħaġa li marti qaltilhom li ma jistgħux jagħmlu, meta ninduna, inbiddel id-​deċiżjoni biex nappoġġa lil marti.” Jekk il-​ġenituri ma jaqblux dwar kif jittrattaw ċerta sitwazzjoni, ikun aħjar li jiddiskutu dawk id-​differenzi fil-​privat u jaslu għal deċiżjoni flimkien.

ID-​DIXXIPLINA HI ESSENZJALI

Jekk timita d-​dixxiplina li Ġeħova jagħti bi mħabba, b’raġunevolezza, u b’konsistenza, tistaʼ tibqaʼ ċert li l-​isforzi tiegħek se jkunu għall-​ġid taʼ wliedek. Id-​direzzjoni tiegħek bl-​imħabba tistaʼ tgħin lil uliedek jiżviluppaw f’adulti maturi, responsabbli, u bbilanċjati. Bħalma tgħid il-​Bibbja: “Ħarreġ tifel skond it-​triq xierqa għalih; lanqas meta jixjieħ ma jwarrab minnha.”—Proverbji 22:6.