Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandna Nitolbu lill-Qaddisin?

Għandna Nitolbu lill-Qaddisin?

MIN minna qatt ma ġarrab xi ansjetà u ħass il-​bżonn li jdur lejn xi ħadd għall-​għajnuna? X’aktarx li nagħżlu ħabib li jkun jaf jagħdirna u jkollu esperjenza fid-​diffikultà li nkunu qed niffaċċjaw—skont il-​kaġun tal-​ansjetà tagħna. Dak li tassew inkunu nixtiequ hu li ħabib ikollu kemm il-​mogħdrija u kemm l-​esperjenza.

Xi wħud għandhom mnejn iħossuhom l-​istess rigward it-​talb. Minflok ma jduru lejn Alla—li għalihom jidher bħala superjuri u tal-​biżaʼ—iħossuhom iktar komdi jduru lejn xi wieħed mill-​qaddisin. Dawn jirraġunaw li l-​qaddisin jistgħu jifhmuhom iktar għax ikunu ġarrbu l-​provi u t-​tbatijiet li jġarrbu l-​bnedmin kollha. Pereżempju, meta l-​Maltin jitilfu xi ħaġa għal qalbhom iħobbu jgħidu: “Sant’Antnin, sib il-​ħwejjeġ mitlufin.” Jew inkella, waqt xi maltempata qalila, ilissnu l-​frażi: “Santa Barbara, la deni u lanqas ħsara!” U wkoll, iħobbu jitolbu lil “San” Franġisk t’Assisi biex iberkilhom l-​annimali.

Iżda kif nistgħu nkunu ċerti jekk huwiex xieraq, skont l-​Iskrittura, li nitolbu lill-​qaddisin? Peress li t-​talb tagħna huwa mezz kif nesprimu ruħna m’Alla, żgur li rridu nkunu nafu: It-​talb tagħna qiegħed jinstemaʼ minnu? Għandna nistaqsu wkoll: Alla kif iħossu dwar it-​talb lill-​qaddisin?

IT-​TALB LILL-​QADDISIN—IL-​ĦARSA TAL-​ISKRITTURA

Id-​drawwa tat-​talb lill-​qaddisin hi bbażata fuq id-​duttrina tal-​interċessjoni tal-​qaddisin, mgħallma mill-​Knisja Kattolika. Il-​ktieb Il-​Katekiżmu tal-​Knisja Kattolika jgħid: “Aħna nistgħu u għandna nitolbuhom [lill-​qaddisin] jidħlu għalina u għad-​dinja kollha.” Għalhekk, meta wieħed jitlob lill-​qaddisin ikun qed jagħmel dan bit-​tama li jikseb favur speċjali permezz tagħhom minħabba l-​pożizzjoni qaddisa li jgawdu quddiem Alla.

Il-​Bibbja tgħallimha din id-​duttrina? Xi wħud jgħidu li l-​appostlu Pawlu poġġa l-​pedament għat-​talb lill-​qaddisin fil-​kitbiet tiegħu. Pereżempju, lill-​Kristjani f’Ruma kitbilhom: “Issa nħeġġiġkom, ħuti, permezz tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu u permezz taʼ l-​imħabba taʼ l-​ispirtu, biex tistinkaw miegħi u titolbu lil Alla għalija.” (Rumani 15:30) Kien Pawlu qed iħeġġeġ lil sħabu l-​Kristjani biex jinterċedu, jew jidħlu, għalih quddiem Alla? Lanqas xejn! Kieku stess, kien ikun iktar jagħmel sens li jħeġġu lil Pawlu, bħala appostlu taʼ Kristu, biex jinterċedi għalihom hu. Pawlu kien qed juri li huwa xieraq li wieħed iħeġġeġ lil xi ħadd minn sħabu l-​Kristjani biex jitlob lil Alla għan-​nom tagħna. Imma hija kwistjoni kompletament differenti li nitolbu lil xi ħadd li nemmnu li jinsab fis-​sema biex jgħaddi t-​talba tagħna lil Alla għalina. Għala?

Fl-​Evanġelju tal-​appostlu Ġwanni, Ġesù jgħid: “Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6) Hu jgħid ukoll: “Kulma titolbu lill-​Missier f’ismi jagħtihulkom.” (Ġwanni 15:16) Ġesù ma qalx li għandna nitolbu lilu u li min-​naħa tiegħu hu mbagħad kien se jkellem lil Alla għan-​nom tagħna. Minflok, sabiex it-​talb tagħna jinstemaʼ, għandna nindirizzawh lil Alla permezz taʼ ħadd ħlief Ġesù.

Meta d-​dixxipli taʼ Ġesù qalulu biex jgħallimhom kif jitolbu, Ġesù wiġibhom: “Kulmeta titolbu, għidu, ‘Missier, ħa jitqaddes ismek.’” (Luqa 11:2) Tabilħaqq, “kulmeta,” jew kull darba li nitolbu, m’għandniex nindirizzaw lil Ġesù jew lil xi ħadd ieħor, iżda lil Alla nnifsu. Meta tqis dan it-​tagħlim ċar daqs il-​kristall li lissen Ġesù, ma taħsibx li hu loġiku li tikkonkludi li t-​talb tagħna għandu jkun indirizzat lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu u mhux permezz taʼ xi interċessuri jew “qaddisin”?

It-​talb hu parti importanti ferm mill-​qima tagħna, u b’mod ċar li nqimu lil xi ħadd ieħor minflok lil Alla mhuwiex fi qbil mat-​tagħlim tal-​Bibbja. (Ġwanni 4:23, 24; Rivelazzjoni 19:9, 10) Huwa għalhekk li għandna nindirizzaw it-​talb tagħna lil Alla biss.

GĦANDEK TIBŻAʼ DDUR LEJN ALLA BIT-​TALB?

Fil-​Prietka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù ta l-​eżempju taʼ tifel li jitlob lil missieru jagħtih xi ħaġa x’jiekol. Missier se jagħti lil ibnu xi ġebla minflok ħobż? Jew serp velenuż minflok ħuta? (Mattew 7:9, 10) Ġenitur li jħobb lanqas biss jgħaddilu minn moħħu li jagħmel xi ħaġa bħal din!

Bħal missier li jħobb lil bintu, Alla jridna nikkomunikaw miegħu

Aħseb dwar tixbiha simili mill-​ħarsa taʼ ġenitur. Immaġina li ibnek jixtieq jitolbok xi ħaġa. Int tkun ħadt ħsieb li tibni relazzjoni mill-​qrib miegħu, u dejjem kont avviċinabbli. Minkejja dan, minħabba li għal xi raġuni jibżaʼ mir-​reazzjoni tiegħek, hu jqabbad lil xi ħadd ieħor jgħaddi x-​xewqa tiegħu lilek. Kif kont tħossok? Xi ngħidu jekk jiħodha drawwa li jikkomunika miegħek biss permezz taʼ din il-​persuna u jkun hemm kull indikazzjoni li beħsiebu jkompli jagħmel hekk? Kieku tkun kuntent b’dan? Dażgur li le! Ġenituri li jħobbu, ikunu jixtiequ li wliedhom javviċinawhom direttament u jħossuhom komdi jitolbuhom kulma jkollhom bżonn.

Meta applika t-​tixbiha tiegħu tat-​tifel li jitlob l-​ikel lil missieru, Ġesù qal lill-​folla: “Għalhekk, jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar Missierkom li hu fis-​smewwiet jagħti affarijiet tajbin lil dawk li jitolbuh!” (Mattew 7:11) Bla dubju, ix-​xewqa taʼ ġenitur li jagħti affarijiet tajbin lil uliedu hi qawwija. Ix-​xewqa taʼ Missierna tas-​sema li jismaʼ u jwieġeb it-​talb tagħna hi saħansitra iktar qawwija.

Alla jridna navviċinawh direttament bit-​talb anke jekk inkunu mtaqqlin b’dgħufijiet personali. Hu ma jinkarigax lil oħrajn biex jisimgħu t-​talb tagħna. Il-​Bibbja tħeġġiġna: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik.” (Salm 55:22) Minflok ma nistrieħu fuq l-​interċessjoni tal-​qaddisin jew taʼ xi ħadd ieħor, nagħmlu tajjeb li niżviluppaw relazzjoni iktar mill-​qrib m’Alla Ġeħova.

Missierna tas-​sema jimpurtah minna bħala individwi. Hu jixtieq jgħinna bil-​problemi tagħna u jistidinna nersqu qrib lejh. (Ġakbu 4:8) Kemm aħna henjin li għandna l-​opportunità li navviċinaw lil Alla u Missierna, “Semmiegħ it-​talb”!—Salm 65:2.