Għallem lil Uliedek
Sigriet li Tistaʼ Tgħidu lil Oħrajn
TIXTIEQ tkun taf sigriet?— a Għandi sigriet li nixtieq ngħidlek. Fil-Bibbja jissejjaħ is-“sigriet sagru li nżamm fis-skiet għal żmien twil.” (Rumani 16:25) Għall-ewwel Alla biss kien jafu s-“sigriet sagru.” Ħalli naraw kif Alla għamel ċert li dan is-sigriet isir magħruf maʼ ħafna nies.
L-ewwel nett, taf xi tfisser il-kelma “sagru”?— Tfisser qaddis, nadif, jew speċjali ħafna. Allura s-sigriet jissejjaħ is-sigriet sagru għax hu minn Alla, li hu qaddis. Min taħseb li ried ikun jaf dan is-sigriet speċjali?— L-anġli. Il-Bibbja tgħid: “Dwar dawn l-affarijiet jixtiequ jkunu jafu l-anġli.” Iva, huma riedu jifhmu dan is-sigriet qaddis.—1 Pietru 1:12.
Meta Ġesù ġie fuq l-art tkellem dwar is-sigriet sagru u beda jispjegah. Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Lilkom ngħata s-sigriet sagru tas-saltna t’Alla.” (Marku 4:11) Innotajt dwar xiex inhu s-sigriet sagru?— Huwa dwar is-Saltna t’Alla, li Ġesù għallimna nitolbu għaliha!—Mattew 6:9, 10.
Issa ħalli naraw kif is-Saltna t’Alla kienet sigriet “għal żmien twil,” sakemm Ġesù ġie fuq l-art u beda jispjegaha. Wara li Adam u Eva kisru l-liġi t’Alla u tkeċċew ’il barra mill-ġnien tal-Għeden, il-qaddejja t’Alla saru jafu li l-iskop t’Alla xorta kien li jagħmel l-art kollha ġenna. (Ġenesi 1:26-28; 2:8, 9; Isaija 45:18) Il-qaddejja t’Alla kitbu dwar il-ferħ li n-nies se jgawdu fuq l-art taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla.—Salm 37:11, 29; Isaija 11:6-9; 25:8; 33:24; 65:21-24.
Issa aħseb ftit dwar il-Ħakkiem tas-Saltna t’Alla. Taf lil min għażel Alla biex ikun Ħakkiem?— Lil Ibnu Ġesù Kristu, il-“Prinċep tal-Paċi.” Il-Bibbja tgħid: “Il-ħakma taʼ prinċep se tkun fuq spalltu.” (Isaija 9:6, 7) Jeħtieġ li jien u int nieħdu ‘għarfien dwar is-sigriet sagru t’Alla, jiġifieri, Kristu.’ (Kolossin 2:2) Hemm bżonn inkunu nafu li Alla ħa l-ħajja tal-ewwel anġlu (Iben spirtu) li Hu ħalaq u li ħajtu poġġieha fil-ġuf taʼ Marija. Dan l-Iben, li kien anġlu setgħan, sar il-wieħed li Alla bagħat fuq l-art bħala sagrifiċċju ħalli aħna jkollna l-ħajja taʼ dejjem.—Mattew 20:28; Ġwanni 3:16; 17:3.
Iżda minbarra li Alla għażel lil Ġesù biex ikun il-Ħakkiem tas-Saltna Tiegħu, hemm iktar x’jeħtieġ inkunu nafu dwar dan is-sigriet. Parti mis-sigriet sagru hi li oħrajn, kemm irġiel u kemm nisa, se jkunu maʼ Ġesù rxoxtat Efesin 1:8-12.
fis-sema. Dawn se jaħkmu maʼ Ġesù fis-sema!—Ejja nitgħallmu l-ismijiet taʼ xi wħud li se jaħkmu maʼ Ġesù fis-sema. Ġesù qal lill-appostli leali tiegħu li hu kien sejjer fis-sema biex iħejji post għalihom. (Ġwanni 14:2, 3) Jekk taqra l-iskritturi li jmiss se tara l-ismijiet taʼ ftit mill-irġiel u n-nisa li se jaħkmu maʼ Ġesù fis-Saltna taʼ Missieru.—Mattew 10:2-4; Marku 15:39-41; Ġwanni 19:25.
L-għadd taʼ dawk li se jaħkmu fis-sema maʼ Ġesù bħala parti mis-Saltna tiegħu ma kienx magħruf għal żmien twil. Imma issa n-numru nafuh. Int tafu?— Il-Bibbja tgħid li hu 144,000. Anki dan huwa parti mis-sigriet sagru.—Rivelazzjoni 14:1, 4.
Taqbel int li dan “is-sigriet sagru tas-saltna t’Alla” huwa l-iktar sigriet meraviljuż li xi ħadd jistaʼ jkun jaf?— Jekk iva, ejja nipprovaw nitgħallmu dak kollu possibbli dwaru biex b’hekk nispjegaw dawn l-affarijiet lil kemm jistaʼ jkun nies.
[Nota taʼ taħt]
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.
MISTOQSIJIET:
▪ X’jissejjaħ dan is-sigriet li tkellimna dwaru, u għala jissejjaħ hekk?
▪ X’inhu dan is-sigriet, u min kien l-ewwel wieħed li beda jgħallem lin-nies dwaru?
▪ X’inhuma xi ftit mill-affarijiet dwar dan is-sigriet li tgħallimt?
▪ Kif tistaʼ tispjega s-sigriet sagru lil xi ħabib jew ħabiba tiegħek?
[Stampa f’paġna 31]
X’taħseb li l-anġli kienu qed jipprovaw isiru jafu?