Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ibqaʼ stenna!

Ibqaʼ stenna!

“Saħansitra jekk iddum, int ibqaʼ stennieha.”—ĦABAKKUK 2:3.

GĦANJIET: 128, 45

1, 2. Il-qaddejja taʼ Ġeħova x’attitudni għandhom?

IL-QADDEJJA taʼ Ġeħova minn dejjem stennew bil-paċenzja biex jitwettqu l-profeziji. Pereżempju, Ġeremija kien qed jistenna li l-Babiloniżi kienu se jeqirdu lil Ġuda, u proprju hekk ġara fis-sena 607 qabel Kristu (QK). (Ġeremija 25:8-11) Isaija pprofetizza li Ġeħova kien se jġib l-eżiljati Lhud lura Ġuda, u qal: “Henjin dawk kollha li jibqgħu jistennewh.” (Isaija 30:18) Mikea wkoll stenna biex il-wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu, u qal: “Jien lil Ġeħova nibqaʼ nfittex. Jien se nistenna b’attitudni xierqa lill-Alla tas-salvazzjoni tiegħi.” (Mikea 7:7) U għal mijiet taʼ snin, il-qaddejja t’Alla kienu ċerti li l-Messija, jew il-Kristu, imwiegħed kien se jiġi.—Luqa 3:15; 1 Pietru 1:10-12. * (Ara n-nota taʼ taħt.)

2 Illum il-ġurnata, aħna wkoll qed nistennew biex jitwettqu profeziji dwar is-Saltna taʼ Ġeħova. Ġesù, bħala s-Sultan taʼ din is-Saltna, dalwaqt se jeħles lill-qaddejja t’Alla minn din id-dinja perikoluża. Se jeqred lin-nies mill-agħar u jġib fix-xejn it-tbatija kollha. (1 Ġwanni 5:19) Allura, aħna rridu nibqgħu nistennew li l-jum taʼ Ġeħova se jiġi ħabta u sabta u rridu nagħmlu kulma nistgħu biex inkunu lesti għalih.

3. Jekk ilna żmien twil nistennew biex jiġi t-tmiem, x’jistaʼ jkun li nibdew naħsbu?

3 Għandna sebaʼ mitt sena biex jasal il-jum meta r-rieda t’Alla tkun qed issir fuq l-art. (Mattew 6:10) Imma jekk ilna bosta snin nistennew għat-tmiem, jistaʼ jkun li nibdew naħsbu, ‘Għala għandna nibqgħu nistennew li t-tmiem dalwaqt se jiġi?’

GĦALA GĦANDNA NIBQGĦU NISTENNEW LI T-TMIEM DALWAQT SE JIĠI?

4. Għala hu importanti għalina li ‘nibqgħu għassa’?

4 Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex ‘jibqgħu għassa’ u ‘jibqgħu mqajmin.’ Hu għalhekk li hu importanti għalina li nibqgħu nistennew li t-tmiem dalwaqt se jiġi. (Mattew 24:42; Luqa 21:34-36) Ukoll, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tibqaʼ tfakkarna biex ‘nistennew u nżommu dejjem f’moħħna l-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova’ u biex nibqgħu ffokati fuq il-wegħda taʼ Ġeħova tad-dinja l-ġdida.—Aqra t-2 Pietru 3:11-13.

5. Liema raġuni oħra għandna biex nibqgħu nistennew il-jum taʼ Ġeħova?

5 Jekk is-segwaċi taʼ Ġesù fl-ewwel seklu kellhom bżonn jibqgħu jistennew il-jum taʼ Ġeħova, mela kemm iktar għandna nistennewh aħna llum il-ġurnata! Għala ngħidu hekk? Għax is-sinjal li ta Ġesù juri li ilu jaqdi bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla mill-1914 u juri wkoll li aħna qed ngħixu fl-aħħar jiem, jew “il-konklużjoni tas-sistema.” Pereżempju, il-kundizzjonijiet fid-dinja sejrin mill-ħażin għall-agħar u l-aħbar tajba tas-Saltna qed tiġi ppritkata fid-dinja kollha, eżatt bħalma bassar Ġesù. (Mattew 24:3, 7-14) Ġesù ma qalx kemm kienu se jdumu l-aħħar jiem, allura rridu nkunu lesti li t-tmiem jistaʼ jiġi mil-lum għal għada.

6. Kif nafu li l-kundizzjonijiet tad-dinja se jiggravaw hekk kif noqorbu lejn it-tmiem?

6 Imma forsi aħna nsaqsu: ‘Jistaʼ jagħti l-każ li “l-konklużjoni tas-sistema” tirreferi għal żmien fil-futur meta d-dinja se togħdos saħansitra iktar fil-ħama tal-ħażen tagħha?’ Ma nafux fiċ-ċert imma dak li nafu żgur hu li l-Bibbja tgħid li l-bnedmin se jsiru iktar u iktar mill-agħar “fl-aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1, 13; Mattew 24:21; Rivelazzjoni 12:12) Għalhekk, għalkemm l-affarijiet huma gravi issa, nafu li se jmorru mit-taġen għal ġon-nar.

7. Mattew 24:37-39 x’jgħallimna dwar il-kundizzjonijiet tad-dinja matul l-aħħar jiem?

7 Xi wħud forsi jaħsbu li qabel “it-tribulazzjoni l-kbira” se jkun hawn gwerra f’kull pajjiż u li l-biċċa l-kbira tan-nies se jkunu morda jew mhux se jkollhom x’jieklu. (Rivelazzjoni 7:14) Imma li kieku kellu jiġri dan, kien ikun ovvju għal kulħadd li qed titwettaq il-profezija tal-Bibbja. Kien ikun ċar daqs il-kristall anke għal nies li mhumiex interessati f’dak li tgħid il-Bibbja. Ftakar li Ġesù qal li fl-aħħar jiem, il-maġġoranza tan-nies ma kinux se ‘jagħtu kas.’ Kienu se jkunu għaddejjin bil-ħajja taʼ kuljum u kienu se jiskantaw meta jiġi l-jum taʼ Ġeħova. (Aqra Mattew 24:37-39.) Jidher ċar li m’għandniex nistennew li l-kundizzjonijiet tad-dinja se jsiru tant ħżiena qabel “it-tribulazzjoni l-kbira” li n-nies bilfors se jkollhom jemmnu li t-tmiem hu qrib.—Luqa 17:20; 2 Pietru 3:3, 4.

Aħna konvinti li issa stess qed ngħixu fil-“konklużjoni tas-sistema”

8. Peress li aħna għassa għas-sinjal taʼ Ġesù, minn xiex aħna konvinti?

8 Ġesù ta s-sinjal biex is-segwaċi tiegħu jkunu jafu b’mod ċar f’liema żminijiet kienu se jkunu qed jgħixu. Is-segwaċi taʼ Ġesù kienu u għadhom għassa. (Mattew 24:27, 42) Mill-1914 ’il hawn, il-partijiet differenti tas-sinjal taʼ Ġesù kienu u għadhom qed jitwettqu. Aħna konvinti li issa stess qed ngħixu fl-aħħar jiem, fil-“konklużjoni tas-sistema.” Ġeħova diġà ddeċieda meta se jeqred id-dinja mill-agħar taʼ Satana.

9. Għala għandna nibqgħu nistennew li t-tmiem dalwaqt se jiġi?

9 Allura għala għandna nibqgħu nistennew li t-tmiem dalwaqt se jiġi? Għax irridu nobdu lil Ġesù Kristu. Ukoll, naraw b’mod ċar li qed jitwettaq is-sinjal li Ġesù ta dwar l-aħħar jiem. Aħna ma nemmnux li t-tmiem huwa fil-viċin għax nibilgħu kulma nisimgħu, imma għax konvinti mija fil-mija li l-profezija tal-Bibbja qed titwettaq. Irridu nibqgħu għassa u nkunu lesti għat-tmiem.

KEMM IRRIDU NDUMU NISTENNEW?

10, 11. (a) Ġesù għala qal lid-dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu għassa’? (b) Ġesù x’qal lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu jekk it-tmiem ma jiġix malajr daqs kemm ħasbu huma? (Ara l-ewwel stampa.)

10 Ħafna minna ilhom ħafna snin jaqdu lil Ġeħova lealment u jistennew b’ħerqa biex jiġi l-jum tiegħu. Ilna kemm ilna nistennew, irridu nibqgħu nistennew li dak il-jum dalwaqt se jasal. Meta Ġesù jiġi biex jeqred id-dinja taʼ Satana, aħna rridu nkunu lesti. Ftakar f’dak li Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu: “Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta hu ż-żmien stabbilit. Hu bħal raġel li siefer u ħalla daru u ta l-awtorità lill-ilsiera tiegħu, lil kull wieħed xogħlu, u ordna lil tal-bieb jibqaʼ għassa. Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux meta ġej sid id-dar, jekk hux tard fil-jum jew f’nofsillejl jew x’ħin jidden is-serduq jew kmieni fil-għodu; sabiex meta jasal għal għarrieda, ma jsibkomx reqdin. Imma dak li ngħid lilkom ngħidu lil kulħadd, Ibqgħu għassa.”—Marku 13:33-37.

L-attak k kontra r-reliġjon falza jistaʼ jiġri f’ħakka t’għajn u fi kwalunkwe ħin

11 Meta s-segwaċi taʼ Ġesù fehmu li kien beda jsaltan fl-1914, irrealizzaw li t-tmiem jistaʼ jiġi fi kwalunkwe żmien. Allura ppreparaw għalih billi taw spinta lix-xogħol tal-ippritkar. Ġesù qal li jistaʼ jkun li jiġi iktar tard, “x’ħin jidden is-serduq jew kmieni fil-għodu.” Li kieku kellu jiġri dan, is-segwaċi tiegħu x’kien se jkollhom jagħmlu? Ġesù qal: “Ibqgħu għassa.” Għalhekk, anke jekk inħossu li ilna żmien twil nistennew, dan ma jfissirx li t-tmiem baqagħlu ħafna biex jiġi jew li se nilħqu mmutu qabel ma jiġi.

12. Ħabakkuk xi staqsa lil Ġeħova, u Alla kif wieġbu?

12 Il-profeta Ħabakkuk stenna bil-paċenzja waqt li kien qed jipprietka dwar il-qerda taʼ Ġerusalemm. Profeti oħra li ġew qablu wkoll kienu ppritkaw dan il-messaġġ għal ħafna snin. Ħabakkuk setaʼ jara li kien hemm iktar ħażen u inġustizzja minn qatt qabel. Hu talab bil-ħrara lil Ġeħova għall-għajnuna, billi staqsa: “O Ġeħova, kemm se jkolli ndum ngħajjat għall-għajnuna?” Għalkemm Ġeħova ma qalx meta se jiġi t-tmiem, hu wiegħed lil Ħabakkuk: ‘Mhux se jkun tard.’ Minbarra dan, Ġeħova qal lil Ħabakkuk biex ‘jibqaʼ jistenna.’—Aqra Ħabakkuk 1:1-4; 2:3.

13. X’setaʼ ħaseb Ħabakkuk, u dan għala kien ikun perikoluż?

13 Immaġina li Ħabakkuk qabżitlu u ma riedx jibqaʼ jistenna għat-tmiem u qal: ‘Ilni nistenna l-qerda taʼ Ġerusalemm għal snin sħaħ. It-tmiem baqagħlu ħafna biex jiġi. M’għandix għalfejn nibqaʼ nipprietka dwaru. Ħaddieħor jistaʼ jagħmel dan ix-xogħol.’ X’kien se jiġri li kieku rraġuna b’dan il-mod? Kieku kien jitlef l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. U li kieku ma kienx lest meta ġie t-tmiem, kieku kien jitlef ħajtu.

14. Għala se nkunu grati li Ġeħova wissiena biex nibqgħu nistennew it-tmiem?

14 Immaġina li int fid-dinja l-ġdida. Il-ġrajjiet kollha li kienu ġew ipprofetizzati dwar l-aħħar jiem seħħew eżatt bħalma kien qal Ġeħova. Int tafda f’Ġeħova iktar minn qatt qabel, u int saħansitra iktar ċert li se jagħmel l-affarijiet l-oħra kollha li wiegħed. (Aqra Ġożwè 23:14.) Kemm int grat li Ġeħova għażel l-aħjar ħin biex iġib it-tmiem u li wissa lin-nies tiegħu biex jibqgħu jistennew!—Atti 1:7; 1 Pietru 4:7.

NIBQGĦU NIPPRITKAW WAQT LI NISTENNEW

Tipprietka int l-aħbar tajba biż-żelu? (Ara paragrafu 15)

15, 16. Għala għandna nagħmlu kulma nistgħu fl-ippritkar waqt dan iż-żmien tat-tmiem?

15 L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova se tibqaʼ tfakkarna biex niffokaw ħajjitna fuq li naqdu lil Ġeħova. Dawn it-tfakkiriet ma jgħinuniex biss biex nibqgħu beżlin f’li naqdu lil Alla imma wkoll biex naraw b’mod ċar li l-messaġġ tagħna hu urġenti. Aħna konvinti mija fil-mija li s-sinjal li ta Ġesù qed jitwettaq issa stess u li t-tmiem wasal biex jiġi minn hawn u ftit ieħor. Allura npoġġu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna u nibqgħu nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna.—Mattew 6:33; Marku 13:10.

16 Meta nippritkaw l-aħbar tajba lil oħrajn, inkunu qed ngħinu biex insalvawhom mill-qerda tad-dinja taʼ Satana li se sseħħ dalwaqt. Wieħed mill-agħar diżastri li qatt seħħ fuq il-baħar kien fl-1945 meta għereq il-vapur Wilhelm Gustloff. Mietu eluf taʼ nies. Oħt u r-raġel tagħha kienu fuq dan il-vapur u ġew salvati. Hi tiftakar li anke waqt li l-vapur kien qed jegħreq, kien hemm waħda mara li baqgħet tgħajjat: “Il-bagalji! Il-bagalji! Il-ġojjellerija! Il-ġojjellerija kollha tiegħi qiegħda fil-kabina. Tlift kollox!” Imma l-passiġġieri l-oħra fehmu x’kien l-iktar importanti u ssograw ħajjithom billi ħadmu iebes ħalli jsalvaw lin-nies li kienu waqgħu fl-ilma inġazzat. Illum, hemm il-ħajjiet tan-nies fin-nofs. Aħna wkoll irridu nkunu bħal dawk il-passiġġieri mhux egoisti u niffokaw fuq kemm hu urġenti l-ippritkar tagħna. Irridu nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinu lin-nies isalvaw mit-tmiem taʼ din is-sistema.

Ħu deċiżjonijiet għaqlin, u ibqaʼ ffokat fuq kemm hu urġenti x-xogħol tal-ippritkar (Ara paragrafu 17)

17. Għala għandna nemmnu li t-tmiem jistaʼ jiġi fi kwalunkwe ħin?

17 Nistgħu naraw ċar u tond li l-profezija tal-Bibbja qed titwettaq u li t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar hu fil-qrib ferm. Qed nistennew biex “l-għaxart iqrun” u “l-bhima salvaġġa” jduru kontra r-reliġjon falza, Babilonja l-Kbira. (Rivelazzjoni 17:16) M’għandniex naqtgħuha li hemm bżonn li jgħaddi ħafna żmien qabel ma jiġri dan. Tinsiex li Alla se ‘jdaħħlilhom fi qlubhom’ il-ħsieb biex jattakkaw ir-reliġjon falza u li dan jistaʼ jiġri f’ħakka t’għajn u fi kwalunkwe ħin! (Rivelazzjoni 17:17) It-tmiem tad-dinja mill-agħar taʼ Satana ġej dalwaqt. Allura għandna nobdu t-twissija taʼ Ġesù: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa.” (Luqa 21:34, 35; Rivelazzjoni 16:15) Ejja nibqgħu għassa u nħabirku fis-servizz taʼ Ġeħova, konvinti li hu “jaġixxi għal min jibqaʼ jistennieh.”—Isaija 64:4.

18. Liema mistoqsija se nwieġbu fl-artiklu li jmiss?

18 Waqt li nistennew għat-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar, għandna nisimgħu mill-parir li ta d-dixxiplu Ġuda: “Maħbubin, billi tinbnew fuq il-fidi l-iktar qaddisa tagħkom u titolbu bl-ispirtu qaddis, żommu ruħkom fl-imħabba t’Alla, waqt li qed tistennew il-ħniena tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu bil-ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejkom.” (Ġuda 20, 21) Imma kif nistgħu nuru li qed nistennew li d-dinja l-ġdida t’Alla se tiġi dalwaqt u li qed inħarsu ’l quddiem għaliha? Se niddiskutu dan fl-artiklu li jmiss.

^ par. 1 Għal lista taʼ ftit mill-profeziji Bibliċi dwar il-Messija u kif seħħew, ara paġna 200 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?