Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IMITA L-​FIDI TAGĦHOM | SARA

Kemm “int mara sabiħa”

Kemm “int mara sabiħa”

SARA kienet wieqfa f’nofs il-​kamra tħares madwarha. Ġib quddiem għajnejk mara mil-​Lvant Nofsani b’par għajnejn kbar skuri li qishom iridu jkellmuk. Tistaʼ tara li għandha xi ftit tad-​dwejjaq? Jekk iva, mhuwiex diffiċli biex tifhem għala. Ġraw ħafna affarijiet f’din id-​dar. Hi u l-​għażiż żewġha, Abraham, kienu qattgħu ħafna u ħafna ħin pjaċevoli hawnhekk. * Flimkien, dan il-​post għamluh darhom.

Huma kienu jgħixu f’Ur, belt sinjura b’ħafna nies tas-​sengħa u negozjanti. Bla dubju taʼ xejn, din il-​koppja kellha ħafna affarijiet. Imma d-​dar taʼ Sara kienet iktar minn sempliċiment post fejn kienet iżżomm l-​affarijiet tagħha. Hawnhekk, hi u r-​raġel tagħha esperjenzaw snin taʼ ferħ u diżappunti. F’dal-​post huma talbu kemm-​il darba lill-​Alla maħbub tagħhom, Ġeħova. Sara kellha bosta raġunijiet għal xiex tħobb din id-​dar.

Madanakollu, Sara kienet lesta li titlaq dak kollu li kien normali għaliha. Għalkemm forsi kellha madwar 60 sena, hi kienet lesta tmur f’postijiet li qatt ma kienet marret fihom u tibda ħajja mimlija perikli u diffikultajiet, bla tama li terġaʼ tmur lura. X’wassalha biex f’ħajjitha tagħmel bidla drastika bħal din? U llum aħna x’nistgħu nitgħallmu mill-​fidi tagħha?

“ITLAQ MINN ARTEK”

Aktarx li Sara trabbiet f’Ur. Illum, kulma fadal minn din il-​belt hu biss ħerba. Imma fi żmien Sara, id-​dgħajjes tal-​merkanzija kienu jgħaddu kontinwament mill-​ilmijiet u l-​kanali tax-​xmara Ewfrat u kienu jġibu affarijiet prezzjużi minn kull parti tad-​dinja f’din il-​belt sinjura. In-​nies kienu jiffollaw fit-​toroq dojoq u mserrpin, id-​dgħajjes kienu jkunu mrekknin maʼ xulxin tul il-​moll, u s-​suq kien ikun miżgħud bl-​affarijiet. Peress li Sara trabbiet f’din il-​belt mimlija attività, hi saret taf lil ħafna nies b’isimhom. M’għandniex xi ngħixu, huma żgur kienu jiftakruha wkoll, għax hi kienet mara sabiħa tassew. Barra minn hekk, kellha familja kbira hemmhekk.

Fil-​Bibbja, Sara hi magħrufa għall-​fidi kbira tagħha—imma ma kinitx fidi fl-​alla qamar li l-​qima lejh kienet mifruxa sew f’Ur, fejn kien hemm torri għal dan l-​alla li kien jidher mill-​belt kollha. Minflok, Sara kienet tqim lill-​Alla l-​veru, Ġeħova. Ir-​rakkont ispirat ma jgħidx kif kisbet il-​fidi tagħha. Minn tal-​inqas għal xi żmien, missierha kien iqim lill-​idoli. Ġara x’ġara, hi żżewġet lil Abraham, raġel għaxar snin ikbar minnha. * (Ġenesi 17:17) Iktar tard hu sar magħruf bħala “l-​missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-​fidi.” (Rumani 4:11) Flimkien huma bnew żwieġ tajjeb u b’saħħtu, wieħed li kellu rispett, komunikazzjoni tajba, u rieda tajba min-​naħa tat-​tnejn biex jipprovaw jegħlbu problemi diffiċli. Però, iktar minn hekk, kienet l-​imħabba li kellhom għal Alla l-​iktar ħaġa importanti fiż-​żwieġ tagħhom.

Sara kienet tħobb lil żewġha immens, u huma għamlu darhom viċin il-​qraba tagħhom f’Ur. Madanakollu, ftit wara, iffaċċjaw diżappunt. Il-​Bibbja tgħidilna li Sara “baqgħet bla tfal; għax ma setax ikollha.” (Ġenesi 11:30) Fil-​kultura u ż-​żmien tagħhom, il-​kundizzjoni taʼ Sara kienet prova diffiċli. Imma Sara baqgħet leali lejn Alla tagħha u lejn żewġha. B’mod evidenti, in-​neputi tagħhom Lot, li ma kellux missier, sar daqslikieku t-​tifel tagħhom. Il-​ħajja baqgħet għaddejja—sakemm darba minnhom inbidel kollox.

Abraham mar għand Sara ferħan se jtir. Bilkemm setaʼ jemmen dak li kien għadu kif ġara. L-​Alla li kienu jqimu kien għadu kif kellmu—saħansitra deherlu, ovvjament permezz t’anġlu! Immaġina lil Sara, b’għajnejha ffissati fuq żewġha, b’eċċitament issaqsih: “X’qallek? Jekk jogħġbok għidli!” Forsi għall-​ewwel, Abraham poġġa bilqiegħda biex jikkalma xi ftit; imbagħad qalilha dak li kien qallu Ġeħova: “Oħroġ minn artek u minn fost qrabatek u ejja fl-​art li nurik.” (Atti 7:2, 3) Wara li kkalmaw xi ftit, qagħdu jimmeditaw fuq l-​inkarigu li Ġeħova tahom. Kellhom jitilqu minn ħajja stabbli u komda għal ħajja nomada! Sara kif kienet se tirreaġixxi? Bla dubju, Abraham qagħad jinnotaha b’ħerqa. Kienet se tkun lesta li tappoġġjah f’bidla kbira bħal din f’ħajjithom?

L-​għażla li kellha tiffaċċja Sara tistaʼ tidher stramba għalina. Għandna mnejn naħsbu, ‘Alla qatt ma talabna biex nagħmlu xi ħaġa bħal din!’ Imma ma taħsibx li kulħadd jiffaċċja għażla simili? Aħna qed ngħixu f’dinja materjalistika, li spiss tħeġġiġna biex fl-​ewwel post inpoġġu l-​kumditajiet tagħna, dak li għandna, u dak li jġegħelna nħossuna fis-​sigurtà. Imma l-​Bibbja tħeġġiġna nagħżlu xi ħaġa oħra—biex infittxu l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel, jiġifieri nogħġbu lil Alla qabel ma nogħġbu lilna nfusna. (Mattew 6:33) Hekk kif nimmeditaw fuq dak li għamlet Sara, nistgħu nsaqsu lilna nfusna, ‘X’deċiżjoni se nieħu f’ħajti?’

HUMA ‘ĦARĠU MILL-​ART TAL-​KALDIN’

Hekk kif Sara kienet qed tippakkja l-​affarijiet, kienet inċerta dwar x’se żżomm u x’se tħalli warajha. Ma setgħet tieħu xejn li kien kbir wisq biex jinġarr mill-​ħmir u l-​iġmla. L-​affarijiet li kellha tieħu kellhom ikunu prattiċi għall-​ħajja fit-​tined. Naturalment, ħafna mill-​affarijiet tagħhom kellhom ibigħuhom jew jagħtuhom. U kienet se tispiċċa wkoll il-​konvenjenza li kienet iġġib magħha l-​belt. Dan kien jinkludi s-​swieq li faċilment setgħet tmur fihom u tixtri l-​qmuħ, il-​laħam, il-​frott, il-​ħwejjeġ, u neċessitajiet u kumditajiet oħra.

Il-​fidi taʼ Sara qanqlitha biex tħalli warajha l-​kumditajiet taʼ darha

Għandu mnejn kien iżjed diffiċli għal Sara biex titlaq id-​dar infisha. Jekk kienet bħal ħafna djar li skoprew l-​arkeoloġi f’Ur, Sara ffaċċjat in-​nuqqas taʼ kumditajiet kbar ħafna. Uħud minn dawn id-​djar kellhom iktar minn 12-​il kamra, kif ukoll ilma ġieri u sistema tad-​dranaġġ. Anki dar sempliċi setaʼ kellha saqaf solidu, ħitan, u bieb li jissakkar. Setgħet tinda tagħti l-​istess protezzjoni kontra l-​ħallelin? Jew kontra l-​iljuni, il-​leopardi, l-​orsijiet, u l-​ilpup—li kollha kemm huma kienu komuni fl-​artijiet tal-​Bibbja taʼ dak iż-​żmien?

U xi ngħidu dwar il-​familja? Sara lil min kienet se tħalli warajha? Alla kkmanda: “Oħroġ minn artek u minn fost qrabatek,” u din setgħet kienet l-​iktar ħaġa diffiċli. Wisq probabbli kellha aħwa, neputijiet, u zijiet li forsi ma kinitx se tara aktar. Bħala mara li kienet taf tħobb, żgur li kienet se timmissjahom ħafna. Madanakollu, ġurnata wara ġurnata, Sara b’kuraġġ kompliet tipprepara biex titlaq.

Minkejja l-​isfidi, Sara kienet ippakkjat u lesta fil-​ġurnata li kellhom jitilqu. Teraħ, bħala l-​patrijarka tal-​familja, kien se jmur maʼ Abraham u Sara, għalkemm kellu madwar mitejn sena. (Ġenesi 11:31) Naturalment, Sara kien se jkollha ħafna x’tagħmel biex tieħu ħsieb lil missierha li kien imdaħħal fiż-​żmien. Lot ukoll kien se jmur magħhom hekk kif obdew lil Ġeħova u ‘ħarġu mill-​art tal-​Kaldin.’—Atti 7:4.

L-​ewwel ivvjaġġaw lejn Ħaran, madwar 1,000 kilometru lejn il-​Majjistral, billi mxew max-​Xmara Ewfrat. Il-​familja għamlet xi żmien tgħix f’Ħaran. Għandu mnejn li Teraħ marad f’dan iż-​żmien, u b’hekk ma setax jivvjaġġa iktar. Il-​familja baqgħet hemm sakemm miet fl-​età taʼ 205 snin. F’xi żmien qabel ma komplew il-​vjaġġ tagħhom, Ġeħova reġaʼ kellem lil Abraham, u reġaʼ qallu biex jitlaq mill-​art u jmur fl-​art li Ġeħova kien se jurih. Però, din id-​darba, Alla wiegħdu xi ħaġa eċċitanti: “Nagħmel ġens kbir minnek.” (Ġenesi 12:2-​4) Imma meta telqu minn Ħaran, Abraham kellu 75 sena u Sara 65 sena, u ma kellhomx tfal. Kif setaʼ joħroġ ġens minn Abraham? Kien se jieħu mara oħra? Il-​poligamija kienet xi ħaġa komuni f’dak iż-​żmien, u b’hekk Sara għandha mnejn ħasbet dwar dan.

Ġara x’ġara, huma telqu minn Ħaran u komplew bil-​vjaġġ tagħhom. Madanakollu, innota min kien hemm magħhom issa. Ir-​rakkont jgħidilna li l-​familja t’Abraham telqet ‘bil-​qaddejja u l-​ġid li kienu kisbu f’Ħaran.’ (Ġenesi 12:5) Żgur u mhux forsi, Abraham u Sara tkellmu dwar il-​fidi tagħhom maʼ dawk il-​qaddejja li kienu lesti li jisimgħu. Xi kitbiet tal-​qedem tal-​Lhud jgħidu li l-​qaddejja li jissemmew f’dan il-​vers kienu wkoll proseliti, nies li kienu ngħaqdu m’Abraham u Sara biex iqimu lil Ġeħova. Jekk inhu hekk, il-​fidi kbira taʼ Sara bla dubju taʼ xejn għamlitha konvinċenti ħafna meta tkellmet m’oħrajn dwar l-​Alla u t-​tama tagħha. Dan hu taʼ min jaħseb fuqu għax qed ngħixu fi żmien fejn il-​fidi u t-​tama huma diffiċli ferm biex issibhom. Meta titgħallem xi ħaġa taʼ siwi mill-​Bibbja, tistaʼ titkellem dwarha maʼ xi ħadd?

‘NIŻLU L-​EĠITTU’

Wara li qasmu l-​Ewfrat, aktarx fl-​14 taʼ Nisan tal-​1943 qabel Kristu, ivvjaġġaw lejn in-​Nofsinhar fl-​art li Ġeħova kien wegħedhom. (Eżodu 12:40, 41) Immaġina lil Sara tħares ’l hemm u ’l hawn titgħaxxaq bis-​sbuħija, il-​varjetà, u l-​klima pjaċevoli tal-​art. Qrib is-​siġar il-​kbar taʼ More, viċin Sikem, Ġeħova reġaʼ deher lil Abraham. Din id-​darba qallu: “Lil nislek se nagħtiha din l-​art.” Iva, din il-​kelma, “nislek,” kellha tifsir kbir għal Abraham. Żgur li fakkritu fil-​ġnien tal-​Għeden, fejn Ġeħova kien bassar li xi darba nisel kellu jeqred lil Satana. Ġeħova kien diġà qal lil Abraham li minnu kellu jkun hemm ġens li permezz tiegħu kien se jkun hemm barkiet għal kulħadd fuq l-​art.—Ġenesi 3:15; 12:2, 3, 6, 7.

Madanakollu, il-​familja xorta kellha l-​problemi. Kien hemm il-​ġuħ fl-​art taʼ Kangħan, u Abraham iddeċieda li jieħu lill-​familja tiegħu l-​Eġittu, lejn in-​Nofsinhar. Iżda hu ħass li kien hemm xi periklu f’dan ir-​reġjun. Allura tkellem maʼ Sara billi qalilha: “Jekk jogħġbok, issa jien naf tajjeb li int mara sabiħa fl-​għajn. U żgur li meta jarawk l-​Eġizzjani se jgħidu, ‘Din martu.’ U lili żgur li joqtluni, imma lilek iħalluk ħajja. Jekk jogħġbok għid li int oħti, sabiex ma jiġrili xejn minħabba fik, u ruħi żgur tibqaʼ ħajja minħabba fik.” (Ġenesi 12:10-​13) Abraham għala għamel talba stramba bħal din?

Abraham la kien giddieb u lanqas beżżiegħ bħalma jsostnu xi kritiċi. Fir-​realtà, Sara kienet oħtu mill-​missier. U Abraham kellu raġunijiet validi biex ikun prudenti. Abraham u Sara kienu jafu li xejn ma kien iktar importanti mill-​iskop t’Alla. L-​iskop kien li Abraham ikollu nisel u ġens speċjali. Għaldaqstant, is-​sigurtà taʼ Abraham kienet taʼ importanza kbira. Iktar minn hekk, evidenza arkeoloġika turi li ġieli rġiel fil-​poter fl-​Eġittu kienu jieħdu mart xi ħadd u joqtlulha r-​raġel. Allura Abraham uża l-​għaqal, u Sara b’umiltà kkooperat mad-​deċiżjoni tiegħu.

Ma damx ma ġara dak li Abraham kien qed jibżaʼ minnu. Xi prinċpijiet tal-​Fargħun ma setgħux ma jinnotawx kemm Sara kienet mara sabiħa—xi ħaġa impressjonanti meta tqis l-​età li kellha. Huma qalu b’dan lill-​Fargħun, u hu ordna biex iġibulu lill-​mara. Lanqas biss nistgħu nimmaġinaw id-​diqa li kellu Abraham jew kemm Sara ħassitha mbeżżgħa. Però, donnu jidher li hi ġiet trattata bħala mistiedna speċjali u mhux bħala ostaġġ. Forsi l-​Fargħun kellu l-​ħsieb li jipperswadiha biex tiżżewġu u jimpressjonaha bl-​għana tiegħu. Jistaʼ jkun li kellu l-​ħsieb li jinnegozja maʼ “ħuha” biex jiħodha bħala martu.—Ġenesi 12:14-​16.

Ġib quddiem għajnejk lil Sara hekk kif hi qed tħares lejn il-​pjanura tal-​Eġittu minn xi tieqa jew veranda tal-​palazz. Kif kienet qed tħossha issa li għal darb’oħra kienet qed terġaʼ tgħix f’post bħal dan, b’saqaf fuq rasha u b’ikel mill-​aħjar quddiemha? Ħajja daqstant lussuża, forsi saħansitra ħajja b’iktar ġid minn dak li kellha hi meta kienet tgħix f’Ur, kienet se tħajjarha? Min jaf kemm kien ikun kuntent Satana li kieku pprovat titlaq lil Abraham u ssir mart il-​Fargħun! Imma Sara m’għamlet xejn minn dan. Hi kienet leali lejn żewġha, lejn iż-​żwieġ tagħha, u lejn Alla. Kellu bżonn kull persuna miżżewġa fid-​dinja immorali tal-​lum turi lealtà bħal din! Tistaʼ int timita l-​lealtà taʼ Sara hekk kif tittratta mal-​maħbubin u l-​ħbieb tiegħek?

Minkejja t-tentazzjonijiet li kien joffri l-palazz tal-Fargħun, Sara baqgħet leali lejn żewġha

Ġeħova interviena biex jipproteġi lil din il-​mara għażiża. Hu bagħat kastigi fuq il-​Fargħun u n-​nies taʼ daru. Meta b’xi mod il-​Fargħun sar jaf li Sara kienet mart Abraham, hu bagħatha lura għand żewġha u talab lilha u l-​familja tagħha biex jitilqu mill-​Eġittu. (Ġenesi 12:17-​20) Min jaf kemm feraħ Abraham li l-​għażiża martu reġgħet lura għandu! Ftakar li hu bi mħabba kien qalilha kemm kienet “mara sabiħa.” Imma Abraham kien japprezza bil-​wisq iktar is-​sbuħija ġewwinija li kellha milli s-​sbuħija li tidher fl-​għajn. Iva, Sara kellha t-​tip taʼ sbuħija li Ġeħova japprezza. (1 Pietru 3:1-​5) Ilkoll kemm aħna nistgħu nikkultivaw din it-​tip taʼ sbuħija. Jekk inpoġġu l-​affarijiet spiritwali qabel l-​affarijiet materjali, naqsmu m’oħrajn l-​għarfien li għandna dwar Alla, u lealment inżommu mal-​livelli morali t’Alla minkejja t-​tentazzjonijiet li nistgħu niffaċċjaw, aħna nkunu qed nimitaw il-​fidi taʼ Sara.

^ par. 3 Għall-​ewwel, isimhom kien Abram u Saraj, imma huma magħrufin iktar bl-​ismijiet li tahom Ġeħova iktar tard.—Ġenesi 17:5, 15.

^ par. 8 Teraħ kien kemm missier Sara u kemm missier Abraham, imma ommijiethom kienu differenti. (Ġenesi 20:12) Għalkemm illum il-​ġurnata żwieġ bħal dan mhuwiex xieraq, huwa importanti li niftakru li dak iż-​żmien l-​affarijiet kienu differenti. In-​nies kienu iktar viċin tal-​perfezzjoni li kienu jgawdu Adam u Eva. Milli jidher, għal nies daqstant f’saħħithom, iż-​żwiġijiet bejn il-​qraba ma kinux joħolqu problemi ġenetiċi fit-​tfal tagħhom. Madanakollu, madwar 400 sena wara, in-​nies kienu jgħixu bejn wieħed u ieħor daqsna. F’dak iż-​żmien, il-​Liġi Mosajka kienet tipprojbixxi kull relazzjoni sesswali maʼ qarib.—Levitiku 18:6.