Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ĠIET DISINJATA?

L-abbiltà matematika tal-pjanti

L-abbiltà matematika tal-pjanti

IL-PJANTI jużaw proċess ikkomplikat imsejjaħ fotosinteżi biex jieħdu l-enerġija mid-dawl tax-xemx ħalli joħolqu l-ikel. Studji fuq speċi differenti juru li jagħmlu jerġaʼ xi ħaġa oħra tal-għaġeb—jikkalkulaw l-aħjar rata li biha jikkonsmaw dan l-ikel matul il-lejl.

Ikkunsidra: Matul il-ġurnata, il-pjanti jikkonvertu l-karbonju dijossidu misjub fl-atmosfera f’lamtu u zokkor. Matul il-lejl, ħafna speċi jikkonsmaw il-lamtu maħżun matul il-ġurnata, b’hekk jevitaw il-ġuħ, u l-produttività tal-pjanta tibqaʼ għaddejja, inkluż it-tkabbir. Iżjed minn hekk, jipproċessaw b’rata eżatta l-lamtu maħżun—la jaħtfuh u lanqas jikkonsmawh bil-mod iżżejjed—sabiex jużaw bejn wieħed u ieħor 95 fil-mija minnu sa ma jisbaħ, meta jibdew jipproduċu iżjed.

Is-sejbiet huma bbażati fuq esperimenti fuq pjanti tal-familja tal-mustarda msejħin Arabidopsis thaliana. Ir-riċerkaturi sabu li din il-pjanta tqassam bir-reqqa l-provvisti tal-ikel li jkollha skont kemm ikun twil il-lejl, kemm jekk ikun baqaʼ 8, 12, jew 16-il siegħa sa ma jisbaħ. Milli jidher, il-pjanta taqsam l-ammont taʼ lamtu li jkollha disponibbli għaliha bit-tul taʼ ħin li jkun fadal sa ma jisbaħ, u b’hekk tiddetermina l-aħjar rata taʼ konsum.

Il-pjanti kif jiddeterminaw kemm baqgħalhom lamtu? Kif ikejlu l-ħin? U x’mekkaniżmu jippermettilhom jużaw il-matematika? Iżjed riċerka tistaʼ tixħet dawl fuq dawn il-mistoqsijiet.

Int x’taħseb? L-abbiltà matematika tal-pjanti ġiet bl-evoluzzjoni? Jew ġiet disinjata?