Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

It-tolleranza

It-tolleranza

L-aċċettar, il-maħfra, u t-tolleranza jippromwovu relazzjonijiet paċifiċi. Imma t-tolleranza għandu jkollha limiti?

X’inhu s-sigriet biex issir iżjed tolleranti?

IR-REALTÀ LLUM

Madwar id-dinja, l-intolleranza qed tinfirex kullimkien u qed issir agħar minħabba preġudizzju razzjali u etniku, nazzjonaliżmu, tribwaliżmu, u estremiżmu reliġjuż.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù Kristu kien imdawwar bl-intolleranza. Il-Lhud u s-Samaritani b’mod partikulari kienu jobogħdu lil xulxin. (Ġwanni 4:9) In-nisa kienu ttrattati bħala inferjuri għall-irġiel. U mexxejja reliġjużi Lhud żebilħu lin-nies komuni. (Ġwanni 7:49) Ġesù Kristu spikka bħala bniedem differenti ferm. “Dan ir-raġel jilqaʼ lill-midinbin u jiekol magħhom,” qalu l-opponenti tiegħu. (Luqa 15:2) Ġesù kellu qalbu tajba, kien paċenzjuż, u tolleranti għaliex hu ġie biex ifejjaq lin-nies spiritwalment u mhux biex jiġġudikahom. L-imħabba kienet il-motivazzjoni primarja tiegħu.—Ġwanni 3:17; 13:34.

Ġesù, xempju tat-tolleranza, ġie biex ifejjaq lin-nies spiritwalment u mhux biex jiġġudikahom

L-imħabba, iċ-ċavetta biex tkun iktar tolleranti, tqanqalna nilqgħu lil oħrajn, minkejja l-imperfezzjonijiet u l-istramberiji tagħhom. Kolossin 3:13 jgħid: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.”

“Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.”1 Pietru 4:8.

Għaliex it-tolleranza għandu jkollha l-limiti?

IR-REALTÀ

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jipprovaw iżommu l-istabbilità soċjali. B’hekk, normalment jagħmlu limiti raġunevoli fuq l-imġiba.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

“[L-imħabba] ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti.” (1 Korintin 13:5) Għalkemm Ġesù kien xempju tat-tolleranza, hu m’għalaqx għajn waħda għall-indeċenza, għall-ipokrisija, u forom oħra taʼ ħażen. Minflok, ikkundanna bi qlubija affarijiet bħal dawn. (Mattew 23:13) “Min jipprattika affarijiet vili jobgħod id-dawl [tal-verità],” hu qal.—Ġwanni 3:20.

L-appostlu Kristjan Pawlu kiteb: “Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.” (Rumani 12:9) Hu għex skont dan il-kliem. Pereżempju, meta ċerti Kristjani Lhud infirdu minn kredenti li ma kinux Lhud, Pawlu—li hu stess kien Lhudi—b’sodizza iżda b’qalb tajba tkellem. (Galatin 2:11-14) Kien jaf li Alla, li “mhux parzjali,” ma kienx se jittollera preġudizzju razzjali fost il-poplu Tiegħu.—Atti 10:34.

Bħala Kristjani, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistrieħu fuq il-Bibbja għall-gwida morali. (Isaija 33:22) B’hekk, ma jittollerawx il-ħażen fosthom. Il-kongregazzjoni Kristjana nadifa m’għandhiex tiġi korrotta b’nies li jwarrbu l-livelli taʼ Ġeħova. Għalhekk, ix-Xhieda jobdu l-kmand Bibliku ċar: “Neħħu lill-bniedem mill-agħar minn fostkom.”—1 Korintin 5:11-13.

“O intom li tħobbu lil Ġeħova, obogħdu dak li hu ħażin.”Salm 97:10.

Alla se jittollera l-ħażen għal dejjem?

DAK LI ĦAFNA JEMMNU

Minħabba li aħna bnedmin, il-ħażen dejjem se jkun magħna.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-profeta Ħabakkuk talab lil Alla Ġeħova: “Għaliex . . . int tibqaʼ sempliċement tħares lejn l-inkwiet? U t-tħarbit u l-vjolenza għala huma quddiemi? Għala hemm it-tilwim, u għala jqum il-ġlied?” (Ħabakkuk 1:3) Alla ma ħalliex lill-profeta inkwetat tiegħu fid-dubju u assigurah li Hu kellu jitlob kont min-nies mill-agħar. Dwar dik il-wegħda, Alla qal: “Se sseħħ żgur. Mhix se tkun tard.”—Ħabakkuk 2:3.

Sadanittant, nies li jagħmlu l-ħażen għandhom l-opportunità biex iduru lura mill-ħajja ħażina tagħhom. “‘Jaqaw jien nitgħaxxaq b’xi mod bil-mewt taʼ xi ħadd ħażin,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova, ‘u mhux li dan idur lura minn triqatu u jibqaʼ jgħix?’” (Eżekjel 18:23) Dawk li jfittxu lil Ġeħova billi jabbandunaw il-modi ħżiena tagħhom jistgħu jħarsu lejn il-futur b’fiduċja. “Min jismaʼ minni jgħammar fis-sigurtà u ma jinkwetax mill-biżaʼ taʼ xi gwaj,” jgħid Proverbji 1:33.

“Ftit ieħor biss, u l-ħażin ma jkunx iktar . . . Il-ġwejdin se jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.”Salm 37:10, 11.