Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Arja friska u dawl tax-​xemx—“Antibijotiċi” naturali?

Arja friska u dawl tax-​xemx—“Antibijotiċi” naturali?

META x-​xjentisti għall-​ewwel skoprew l-​antibijotiċi kimiċi f’nofs is-​seklu 20, it-​tobba ttamaw li dawn il-​mediċini ġodda kienu se jeliminaw ċertu mard. Għall-​ewwel, il-​mediċini ġodda dehru li għamlu dak li kien mistenni minnhom. Iżda, tant intużaw spiss minn dak iż-​żmien ’l hawn li l-​batterji żviluppaw reżistenza għall-​antibijotiċi.

Sabiex jinstabu mezzi ġodda biex jiġġieldu kontra l-​infezzjoni, xi xjentisti qed jerġgħu jqisu l-​metodi li kienu jintużaw fil-​passat biex jiġi kontrollat il-​mard. Metodu minnhom jinvolvi li jiġu utilizzati l-​benefiċċji tas-​saħħa li jiġu mid-​dawl tax-​xemx u l-​arja friska.

Tagħlima mill-​passat

Żmien ilu, fl-​Ingilterra kien hemm diversi nies li appoġġaw il-​valur tal-​fejqan permezz tax-​xemx u l-​arja friska. It-​tabib John Lettsom (1744-​1815) issuġġerixxa l-​arja tal-​baħar u x-​xemx għal tfal li kienu qed ibatu bit-​tuberkulosi (TB). Fl-​1840, il-​kirurgu George Bodington innota li dawk li xogħolhom kien għall-​arja aperta—bdiewa, nies li jaħdmu r-​rabaʼ, ragħajja—ġeneralment ma kellhomx TB, filwaqt li dawk li għaddew il-​biċċa l-​kbira minn ħinhom ġewwa dehru iżjed suxxettibbli għal din il-​marda.

Florence Nightingale (1820-​1910) saret famuża għall-​ideat ġodda tagħha fil-​kura tal-​morda meta kienet tieħu ħsieb is-​suldati Britanniċi midrubin fil-​Gwerra tal-​Krimea. Hi staqsiet: “Qatt dħalt fil-​kamra tas-​sodda taʼ xi ħadd . . . bil-​lejl jew qabel ma jinfetħu t-​twieqi filgħodu, u ħassejt kemm l-​arja tinħass fgata u tinxtamm tinten?” Hi ssuġġeriet li l-​arja fil-​kamra tas-​sodda taʼ pazjent kellha tinżamm friska daqs l-​arja taʼ barra, imma mingħajr ma tkessaħ lill-​pazjent. Żiedet tgħid: “L-​esperjenza tiegħi mal-​morda biċ-​ċar turi li fit-​tieni post wara l-​bżonn tagħhom għall-​arja friska, hemm il-​bżonn tagħhom għad-​dawl . . . U mhux dawl biss iridu, iżda dawl dirett tax-​xemx.” Ħafna dak iż-​żmien kienu jemmnu wkoll li t-​tperriċ tal-​lożor u tal-​ħwejjeġ għax-​xemx kien iwassal għal saħħa tajba.

Ix-​xjenza għamlet progress mill-​1800 ’l hawn, u madankollu studji moderni waslu għal konklużjonijiet simili. Pereżempju, fi studju li sar fiċ-​Ċina fl-​2011 instab li dormitorji taʼ kulleġġi ffollati bi ftit ventilazzjoni jiġu “assoċjati maʼ iżjed infezzjonijiet respiratorji.”

L-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa (WHO) tirrikonoxxi li ventilazzjoni naturali, li tinkludi li l-​arja taʼ barra tgħaddi minn ġo bini, hija importanti biex tikkontrolla l-​infezzjonijiet. Tabilħaqq, il-​linji gwida tal-​WHO ippubblikati fl-​2009 jinkuraġġixxu l-​użu taʼ ventilazzjoni naturali bħal din bħala mezz effettiv f’li jitnaqqas ir-​riskju tal-​infezzjoni f’postijiet għall-​kura tas-​saħħa. *

Għandek mnejn tgħid, ‘Dan kollu tajjeb, imma huwa skont ix-​xjenza? Id-​dawl tax-​xemx u l-​arja kif ibiegħdu l-​infezzjoni?ʼ

Id-​diżinfettanti tan-​natura

Xi studji li saru f’sit tal-​Ministeru tad-​Difiża tar-​Renju Unit jagħtuna xi tweġibiet. Ix-​xjentisti hemm kienu qed jipprovaw jistabbilixxu kemm l-​arja kienet iddum perikoluża kieku arma bijoloġika mimlija b’batterji li jagħmlu l-​ħsara tisplodi fuq Londra. Biex jiddeterminaw jekk il-​mikrobi fl-​arja kinux kapaċi jiżdiedu, ir-​riċerkaturi poġġew mikro-​organiżmi tal-​batterju E. Coli fuq ħjut taʼ għanqbuta u ħallewhom għall-​arja aperta. L-​esperiment sar billejl, ladarba kien magħruf li d-​dawl tax-​xemx joqtol dawn il-​mikrobi. X’kienu r-​riżultati?

Xi sagħtejn wara, kważi l-​mikrobi kollha kienu mietu. Iżda, meta l-​mikrobi nżammu magħluqin f’kaxxa fl-​istess post u fl-​istess temperatura u umdità, il-​biċċa l-​kbira minnhom kienu għadhom ħajjin wara li kienu għaddew sagħtejn. Għala? Milli jidher, xi ħaġa dwar li jkunu esposti għall-​arja taʼ barra toqtol il-​mikrobi. Dan l-​hekk imsejjaħ fattur tal-​arja taʼ barra għadu ma ġiex identifikat biċ-​ċar. Madankollu, ir-​riċerkaturi jaħsbu li dan għandu x’jaqsam maʼ elementi li jinsabu b’mod naturali fil-​beraħ u li “jaġixxu bħala diżinfettanti naturali kontra l-​mikrobi li jkunu fl-​atmosfera u ma nkunux nafu bihom.”

Id-​dawl tax-​xemx ukoll jiddiżinfetta b’mod naturali. Il-​Journal of Hospital Infection jispjega li “l-​biċċa l-​kbira tal-​mikrobi li jikkaġunaw infezzjonijiet li jkunu fl-​arja ma jistgħux jittolleraw id-​dawl tax-​xemx.”

Int kif tistaʼ tieħu vantaġġ minn dan? Għandek mnejn tkun trid toħroġ barra, fejn tistaʼ tqattaʼ ħin moderat fix-​xemx u tieħu naqra arja friska. X’aktarx li tagħmillek il-​ġid.

^ par. 8 Minħabba ċerti fatturi għandu mnejn li ma jkunx jaqbel li t-​twieqi jitħallew miftuħin. Dawn jinkludu l-​kwalità tal-​arja fuq barra, l-​istorbju, ir-​regolamenti tat-​tifi tan-​nar, u s-​sigurtà.