Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 60

Saltna li se tibqaʼ għal dejjem

Saltna li se tibqaʼ għal dejjem

Darba waħda billejl, is-​Sultan Nebukadnessar ħolom ħolma stramba. Tant inkwetatu li ma setax jorqod. Għalhekk, hu sejjaħ quddiemu lil dawk li jipprattikaw il-​maġija u qalilhom: ‘Spjegawli l-​ħolma.’ Huma qalulu: ‘Għidilna xi ħlomt, O sultan.’ Imma Nebukadnessar qalilhom: ‘Le! Intom tridu tgħiduli xi ħlomt, inkella noqtolkom.’ Għal darba oħra wiġbuh: ‘L-​ewwel trid tgħidilna xi ħlomt, imbagħad inkunu nistgħu ngħidulek xi tfisser.’ Hu qalilhom: ‘Intom kollha qed tipprovaw tqarrqu bija. Għiduli xi ħlomt!’ Huma qalu lis-​sultan: ‘Dak li qed titlob mhux possibbli għax ma jeżisti ħadd li jistaʼ jagħmel dan.’

Nebukadnessar tant irrabja li ordna li jinqatlu l-​irġiel għorrief kollha tal-​pajjiż. Dan kien ifisser li anki Danjel, Sidrak, Mesak, u Għabednego kienu se jiġu maqtulin. Danjel staqsa lis-​sultan biex itih ftit taż-​żmien. Imbagħad, hu u t-​tlett iħbieb tiegħu talbu lil Ġeħova għall-​għajnuna. Ġeħova x’għamel?

Permezz taʼ viżjoni, Ġeħova wera lil Danjel il-​ħolma li kellu Nebukadnessar u spjegalu xi tfisser. L-​għada, Danjel mar għand il-​qaddej tas-​sultan u qallu: ‘Toqtol lil ħadd mill-​irġiel għorrief. Jien nistaʼ nispjega l-​ħolma li kellu s-​sultan.’ Il-​qaddej ħa lil Danjel quddiem Nebukadnessar. Danjel qal lis-​sultan: ‘Alla wriek il-​futur. Din hi l-​ħolma tiegħek: Int rajt xbieha kbira ħafna, b’rasha tad-​deheb, sidirha u dirgħajha tal-​fidda, żaqqha u koxxtejha tar-​ram aħmar, riġlejha tal-​ħadid, u saqajha kienu tal-​ħadid u tat-​tafal imħalltin flimkien. Imbagħad, ġebla nqatgħet minn muntanja, u laqtet is-​saqajn tax-​xbieha. Ix-​xbieha tfarrket u saret trab li tar mar-​riħ. Imbagħad, il-​ġebla saret muntanja kbira u mliet l-​art kollha.’

Danjel imbagħad qal: ‘Dan hu dak li tfisser il-​ħolma tiegħek: Is-​saltna tiegħek hi r-​ras tad-​deheb. Il-​fidda hija saltna li se tiġi warajk. Imbagħad, ħa jkun hemm waħda bħar-​ram aħmar li se taħkem fuq l-​art kollha. Is-​saltna li tiġi warajha se tkun b’saħħitha daqs il-​ħadid. Fl-​aħħar, se jkun hemm saltna maqsuma li partijiet minnha se jkunu b’saħħithom daqs il-​ħadid u partijiet minnha se jkunu dgħajfin bħat-​tafal. Il-​ġebla li se ssir muntanja hi s-​Saltna t’Alla. Din se tfarrak dawn is-​saltniet kollha u se tibqaʼ għal dejjem.’

Xħin semaʼ dan, Nebukadnessar niżel għarkopptejh b’wiċċu lejn l-​art quddiem Danjel. Hu qal: ‘Alla tiegħek spjega din il-​ħolma lilek. M’hemmx Alla ieħor bħalu.’ Imbagħad, minflok ma qatel lil Danjel, Nebukadnessar poġġieh kap fuq l-​irġiel għorrief kollha u mexxej f’Babilonja. Qed tara b’liema mod Ġeħova wieġeb it-​talba taʼ Danjel?

‘Ġabruhom flimkien lejn il-​post li . . . jissejjaħ Armageddon.’—Rivelazzjoni 16:16