Mur fil-kontenut

IL-​BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

Ħajti Kienet Sejra mill-​Ħażin għall-​Agħar

Ħajti Kienet Sejra mill-​Ħażin għall-​Agħar
  • SENA TAT-​TWELID: 1952

  • POST TAT-​TWELID: L-​ISTATI UNITI

  • PASSAT: TAQBIŻLU MALAJR U VJOLENTI

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Jien minn Los Angeles, Kalifornja, l-​Istati Uniti. Trabbejt fi nħawi li huma magħrufin għall-​gangs u d-​drogi. Ommi u missieri kellhom sitt itfal, u jien kont it-​tieni wieħed.

Ommi rabbietna bħala Kristjani. Imma meta kont żagħżugħ, kont ngħix ħajja doppja. Kull nhar taʼ Ħadd kont inkanta fil-​kor tal-​knisja. Imma fil-​kumplament tal-​ġimgħa, kont nieħu pjaċir immur il-​parties, nieħu d-​drogi, u nagħmel l-​immoralità sesswali.

Kienet taqbiżli malajr u kont vjolenti. Kollox kont nuża biex niġġieled ħalli nirbaħ. Dak li kont nitgħallem fil-​knisja ma kienx jgħinni. Kont ngħid: “Il-​vendetta tal-​Mulej, u qed juża lili biex jagħmilha!” Fis-​sekondarja kont ġejt influwenzat minn grupp politiku li kien jiġġieled għad-​drittijiet tan-​nies. Allura sirt parti minn grupp taʼ studenti li riedu jiddefendu d-​drittijiet tan-​nies. Konna norganizzaw ħafna protesti, u l-​iskola kemm-​il darba spiċċat għalqet għal xi żmien minħabba fina.

Tant kemm kont vjolenti li l-​protesti ma kinux biżżejjed għalija. Allura bdejt nieħu sehem biex niġġieled kontra nies li nobgħod. Pereżempju, jien u l-​ħbieb tiegħi ġieli konna naraw films dwar kemm kienu jbatu l-​iskjavi mill-​Afrika fl-​Amerika. Tant kemm konna nimtlew bir-​rabja li konna nattakkaw liż-​żgħażagħ bojod fis-​cinema. Imbagħad konna mmorru fi nħawi fejn joqogħdu n-​nies bojod biex niġġieldu m’iżjed nies.

Qabel għalaqt 20 sena, jien u ħuti konna magħrufin bħala kriminali. Kemm-​il darba dħalna fl-​inkwiet mal-​pulizija. Wieħed minn ħuti ż-​żgħar sar parti minn gang famuża, u jien kont nagħmilha magħhom. Ħajti kienet sejra mill-​ħażin għall-​agħar.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Il-​ġenituri taʼ ħabib tiegħi kienu Xhieda taʼ Ġeħova. Huma stidnuni għal-​laqgħat tagħhom, u jiena aċċettajt. Mill-​ewwel stajt nara li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma differenti. Kulħadd kien juża l-​Bibbja tiegħu waqt il-​laqgħat. Anki ż-​żgħażagħ kienu jieħdu sehem fil-​laqgħa! Kont impressjonat li Alla għandu isem, Ġeħova, u kemm kienu jużawh. (Salm 83:18) Fil-​kongregazzjoni kien hemm nies minn pajjiżi differenti, imma stajt nara b’mod ċar li kienu magħqudin.

Għall-​bidu ma ridtx nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, imma kont nieħu pjaċir immur il-​laqgħat tagħhom. Darba minnhom, waqt li kont qiegħed fil-​laqgħa, il-​ħbieb tiegħi marru concert. Hemmhekk, taw xebgħa lil żagħżugħ sakemm qatluh għax ma riedx jagħtihom il-​ġakketta tal-​ġilda. L-​għada, bdew jiftaħru b’dak li għamlu. Anki fil-​qorti bdew jgħaddu ż-​żmien b’dak li għamlu. Vera kont kuntent li ma kontx magħhom dak il-​lejl. Iddeċidejt li nibdel ħajti u nibda nistudja l-​Bibbja.

Peress li kont għaddejt minn ħafna preġudizzju, vera kont sorpriż kif ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jittrattaw lil xulxin. Pereżempju, meta ħu abjad kellu jsiefer, hu ħalla lit-​tfal tiegħu maʼ familja sewda biex jieħdu ħsiebhom. Ukoll, familja bajda aċċettaw żagħżugħ iswed jgħix magħhom. Minn dak li rajt, jien kont ċert li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu qed jgħixu skont il-​kliem taʼ Ġesù fi Ġwanni 13:35. Hu qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” Kont ċert li sibt in-​nies li vera juru din l-​imħabba.

Minn dak li bdejt nitgħallem mill-​Bibbja, kont naf li għandi bżonn inbiddel kif naħseb. Kelli nbiddel il-​personalità tiegħi u nieqaf inkun vjolenti, u minflok inkun kalm m’oħrajn. Kelli nifhem li din hija l-​aħjar ħajja possibbli. (Rumani 12:2) Bil-​mod il-​mod biddilt ħajti. F’Jannar tal-​1974, tgħammidt bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Kelli niddeċiedi li mhux biss nibqaʼ kalm, imma wkoll inkun ċert li dan hu l-​aħjar mod kif nistaʼ ngħix

Anki wara li tgħammidt, kelli nibqaʼ naħdem fuq ir-​rabja tiegħi. Pereżempju darba minnhom, waqt li kont qed nipprietka minn dar għal dar, mort niġri wara ħalliel li kien għadu kif seraqli r-​radio mill-​karozza. Kif wasalt qrib tiegħu, telaq ir-​radio u ħarab. Wara għedt lill-​oħrajn li kienu miegħi kif irnexxieli nġib ir-​radio lura. Imma kien hemm anzjan u saqsieni: “Stephen, x’kont tagħmel kieku rnexxielek tilħqu?” Dik il-​mistoqsija ġegħlitni naħseb u għenitni nifhem kemm irrid inkompli naħdem fuq il-​personalità tiegħi.

Bdejt naqdi bħala pijunier f’Ottubru tal-​1974. Wara, bdejt naħdem bħala volontier fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York. Fl-​1978, mort lura Los Angeles biex nieħu ħsieb lil ommi għax kienet marida. Sentejn wara żżewwiġt lill-​mara tiegħi, Aarhonda. Hi għenitni ħafna biex nieħu ħsieb lil ommi sakemm mietet. Ftit żmien wara, jien u Aarhonda morna l-​Iskola taʼ Gilegħad. Minn hemmhekk bagħtuna naqdu f’Panama, fejn għadna naqdu bħala missjunarji.

Kemm ili mgħammed iffaċċjajt ħafna sitwazzjonijiet fejn stajt nirreaġixxi b’mod vjolenti. Tgħallimt li l-​aħjar jew nitlaq ’l hemm jew nipprova nirranġa s-​sitwazzjoni bil-​kwiet. Il-​mara tiegħi u ħafna nies oħra faħħruni taʼ kif bqajt kalm f’dawn is-​sitwazzjonijiet. Anki jien bqajt impressjonat bija nnifsi! Qatt ma kien se jirnexxili nagħmel dawn il-​bidliet waħdi. Dan stajt nagħmlu biss bl-​għajnuna tal-​Bibbja.—Ebrej 4:12.

KIF IBBENEFIKAJT:

Il-​Bibbja tatni skop f’ħajti u għallmitni nkun kalm. Minflok niġġieled man-​nies, nagħmel l-​aħjar li nistaʼ biex ngħinhom isiru jafu ’l Alla. Anki rnexxieli nistudja l-​Bibbja maʼ wieħed li fl-​iskola xejn ma kont ħabib tiegħu! Wara li tgħammed, għamilna żmien nixxerjaw post u għadna ħbieb tajbin. Sal-​lum il-​ġurnata, jien u l-​mara rnexxielna ngħinu 80 persuna jsiru Xhieda taʼ Ġeħova.

Vera nirringrazzja lil Ġeħova talli tani ħajja bi skop, mimlija ferħ u bi ħbieb tajbin.