Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

1

L-isem divin fl-Iskrittura Ebrajka

L-isem divin fl-Iskrittura Ebrajka

L-​isem divin bl-​ittri Ebrajċi tal-​qedem li kienu jintużaw qabel l-​eżilju f’Babilonja

L-​isem divin bl-​ittri Ebrajċi li kienu jintużaw wara l-​eżilju f’Babilonja

L-​isem divin, li huwa rappreżentat mill-​erbaʼ konsonanti Ebrajċi יהוה, jidher kważi 7,000 darba fl-​Iskrittura Ebrajka. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tittraduċi dawn l-​erbaʼ ittri, li jissejħu t-​Tetragrammaton, bħala “Ġeħova.” Dan l-​isem jidher fil-​Bibbja bil-​wisq iktar minn kull isem ieħor. Filwaqt li l-​kittieba ispirati jirreferu għal Alla b’ħafna titli u kliem deskrittiv, bħal “Dak li Jistaʼ Kollox,” “l-​Iktar Għoli,” u “Mulej,” it-​Tetragrammaton hu l-​uniku isem persunali li jużaw biex jidentifikaw lil Alla.

Alla Ġeħova nnifsu ispira lill-​kittieba tal-​Bibbja biex jużaw ismu. Pereżempju, hu nebbaħ lill-​profeta Ġoel biex jikteb: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jsalva.” (Ġoel 2:32) U Alla qanqal lil wieħed salmista biex jikteb: “Biex in-​nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, Int waħdek l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha.” (Salm 83:18) Infatti, l-​isem divin jidher mas-​700 darba fil-​ktieb tas-​Salmi biss—ktieb mimli poeżiji li kellhom jitkantaw u jitlissnu mill-​poplu t’Alla. Allura, l-​isem t’Alla għala ma jinstabx f’ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja? Għala t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tuża l-​kelma “Ġeħova”? U l-​isem divin, Ġeħova, xi jfisser?

Siltiet mis-​Salmi fir-​Romblu tal-​Baħar il-​Mejjet li jmorru lura għal nofs l-​ewwel seklu wara Kristu (WK). It-​test hu miktub b’ittri bl-Ebrajk li normalment kienu jintużaw wara l-​eżilju f’Babilonja, imma t-​Tetragrammaton jidher kemm-​il darba b’ittri bl-​Ebrajk tal-​qedem li jintgħarfu

Dan l-​isem għala ma jinstabx f’ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja? Ir-​raġunijiet ivarjaw. Xi wħud iħossu li Alla li Jistaʼ Kollox m’għandux bżonn isem uniku biex jidentifikah. Oħrajn milli jidher ġew influwenzati mit-​tradizzjoni Lhudija li kienet tgħid li l-​isem t’Alla għandu jiġi evitat. Dan forsi għax jibżgħu li jkażbruh. Jerġaʼ oħrajn jemmnu li ladarba ħadd ma jaf kif jippronunzja eżatt l-​isem t’Alla, ikun aħjar jekk sempliċement jintuża titlu, bħal “Mulej” jew “Alla.” Imma oġġezzjonijiet bħal dawn ma tistax toqgħod fuqhom minħabba r-​raġunijiet li ġejjin:

  • Dawk li jsostnu li Alla li Jistaʼ Kollox m’għandux bżonn isem uniku jinjoraw l-​evidenza li kopji tal-​bidu tal-​Kelma tiegħu, inkluż dawk miżmumin fi stat tajjeb minn qabel żmien Kristu, kien fihom l-​isem persunali t’Alla. Bħalma diġà ssemma, Alla ħa ħsieb li ismu jkun inkluż fil-​Kelma tiegħu madwar 7,000 darba. Ovvjament, hu jridna nkunu nafu ismu u nużawh.

  • Tradutturi li jneħħu l-​isem biex jirrispettaw it-​traduzzjoni Lhudija ma jirrikonoxxux aspett importanti. Waqt li xi skribi Lhud ma ridux jippronunzjaw l-​isem, huma ma neħħewhx mill-​kopji tagħhom tal-​Bibbja. Skrolli antiki li nstabu fl-​inħawi taʼ Qumran, viċin il-​Baħar il-​Mejjet, fihom l-​isem f’ħafna bnadi. Xi tradutturi tal-​Bibbja jagħtu ħjiel li fit-​test oriġinali kien hemm l-​isem divin billi poġġew it-​titlu “MULEJ” b’ittri kbar. Imma tibqaʼ l-​mistoqsija, Jekk dawn it-​tradutturi kienu jafu li l-​isem t’Alla jinsab eluf taʼ drabi fit-​test tal-​Bibbja, għala ma ddejqux jibdluh jew ineħħuh? Min mingħalihom tahom l-​awtorità li jagħmlu bidla bħal din? Huma biss jistgħu jwieġbu.

  • Dawk li jgħidu li l-​isem divin m’għandux jintuża għax ma nafux kif kien jiġi pronunzjat eżattament, xorta waħda jużaw isem Ġesù mingħajr diffikultà. Però, id-​dixxipli taʼ Ġesù tal-​ewwel seklu kienu jlissnu ismu differenti mill-​mod kif ilissnuh il-​biċċa l-​kbira tal-​Kristjani llum. Il-​Kristjani Lhud wisq probabbli kienu jlissnu l-​isem Ġesù bħala Jesugħa. U t-​titlu “Kristu” kienu jgħiduh Maxjok, jew “Messija.” Il-​Kristjani li kienu jitkellmu bil-​Grieg kienu jsejħulu Jejsus Krejstaws, u l-​Kristjani li kienu jitkellmu bil-​Latin kienu jsejħulu Jejsus Krejstus. It-​traduzzjoni Griega taʼ ismu ġiet imniżżla fil-​Bibbja taħt ispirazzjoni, u dan juri li l-​Kristjani tal-​ewwel seklu kienu għaqlin u użaw l-​isem li kien komuni bil-​lingwa tagħhom. B’mod simili, il-​Kumitat tat-​Traduzzjoni tal-​Bibbja tad-​Dinja l-​Ġdida jħoss li hu raġunevoli li jintuża l-​isem “Ġeħova,” anki jekk din it-​traduzzjoni tal-​isem divin mhijiex il-​mod eżatt kif kien jiġi mlissen bl-​Ebrajk tal-​qedem.

Għala t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tuża l-​isem “Ġeħova”? L-​erbaʼ ittri tat-​Tetragrammaton (יהוה) bil-​Malti huma rappreżentati mill-​konsonanti JĦWH. Bħall-​kliem kollu miktub bl-​Ebrajk tal-​qedem, it-​Tetragrammaton ma kienx fih vokali. Meta l-​Ebrajk tal-​qedem kien mitkellem fil-​ħajja taʼ kuljum, il-​qarrejja ma kinux isibu diffikultà jdaħħlu l-​vokali fejn kien ikun xieraq.

Madwar elf sena wara li tlestiet l-​Iskrittura Ebrajka, studjużi Lhud żviluppaw sistema taʼ tikek, jew sinjali, biex bihom ikunu jafu liema vokali għandhom jużaw meta jaqraw bil-​lingwa Ebrajka. Imma, sa dak iż-​żmien, ħafna Lhud kellhom l-​idea superstizzjuża li kien ħażin li tgħid l-​isem persunali t’Alla b’leħen għoli, u minħabba f’hekk bdew jużaw espressjonijiet oħrajn minfloku. Għaldaqstant, jidher li meta kkopjaw it-​Tetragrammaton, huma għaqqdu l-​vokali taʼ dawn l-​espressjonijiet oħrajn mal-​erbaʼ konsonanti li jirrappreżentaw l-​isem divin. Għalhekk, il-​manuskritti b’dawn il-​vokali mhumiex t’għajnuna biex inkunu nafu kif kien jiġi pronunzjat oriġinarjament l-​isem bil-​lingwa Ebrajka. Xi wħud iħossu li l-​isem kien jiġi mlissen “Jaħweh,” filwaqt li oħrajn jissuġġerixxu pronunzji differenti. Ir-​Romblu tal-​Baħar il-​Mejjet li fih silta minn Levitiku bil-​Grieg jittraduċi l-​isem divin bħala Jow. Minbarra din it-​traduzzjoni, il-​kittieba Griegi tal-​bidu jissuġġerixxu wkoll il-​pronunzji Jowe, Jobe, u Jouwe. Però, m’hemmx għalfejn inkunu dommatiċi. Aħna sempliċement ma nafux kif il-​qaddejja t’Alla tal-​qedem kienu jlissnu dan l-​isem bil-​lingwa Ebrajka. (Ġenesi 13:4; Eżodu 3:15) Dak li nafu hu li Alla uża ismu kemm-​il darba meta kkomunika mal-​poplu tiegħu, li huma sejħulu b’dak l-​isem, u li kienu jużawh bil-​libertà kollha meta kienu jitkellmu m’oħrajn.—Eżodu 6:2; 1 Slaten 8:23; Salm 99:9.

Allura, għala t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tuża l-​isem “Ġeħova”? Dan ġej mill-​isem divin “Jehovah,” li għandu storja twila fil-​lingwa Ingliża.

L-​isem t’Alla f’​Ġenesi 15:2 fit-​traduzzjoni tal-​Pentatewku taʼ William Tyndale, 1530

L-​ewwel traduzzjoni tal-​isem persunali t’Alla f’Bibbja Ingliża dehret fl-​1530 fit-​traduzzjoni tal-​Pentatewku taʼ William Tyndale. Hu uża l-​isem “Iehouah.” Maż-​żmien, il-​lingwa Ingliża nbidlet, u l-​mod kif jinkiteb l-​isem t’Alla ġie modernizzat. Pereżempju, fl-​1612, Henry Ainsworth uża l-​isem “Iehovah” fit-​traduzzjoni tiegħu tal-​ktieb tas-​Salmi. Imbagħad, fl-​1639, meta dan ix-​xogħol ġie rivedut u stampat flimkien mal-​Pentatewku, intuża l-​isem “Jehovah.” Fl-​1901, it-​tradutturi li ppubblikaw l-​American Standard Version tal-​Bibbja użaw l-​isem “Jehovah” fejn fit-​test Ebrajk deher l-​isem divin.

Meta spjega għala uża “Jehovah” minflok “Yahweh” fix-​xogħol tiegħu Studies in the Psalms fl-​1911, l-​istudjuż tal-​Bibbja rispettat Joseph Bryant Rotherham qal li hu ried juża “isem iktar familjari (u fl-​istess ħin aċċettat għalkollox) mill-​pubbliku inġenerali li jaqra l-​Bibbja.” Fl-​1930, l-​istudjuż A. F. Kirkpatrick qal xi ħaġa simili rigward l-​użu tal-​isem “Jehovah.” Hu qal: “Esperti tal-​grammatika taʼ żmienna jsostnu li għandu jinqara Yahveh jew Yahaveh; imma JEHOVAH jidher li hu stabbilit sew fil-​lingwa Ingliża, u l-​iktar ħaġa importanti mhijiex kif għandu jiġi pronunzjat eżattament, imma li jiġi rikonoxxut bħala Isem Proprju, u mhux sempliċi titlu komuni bħal ‘Mulej.’”

It-​Tetragrammaton, JĦWH: “Hu Jġiegħel li Jsir”

Il-​verb ĦWH: “li jsir”

Xi jfisser l-​isem Ġeħova? Bl-​Ebrajk l-​isem Ġeħova ġej mill-​verb li jfisser “li jsir,” u għadd taʼ studjużi jħossu li dan jirrifletti l-​forma kawżattiva tal-​verb Ebrajk (verb li jqanqal azzjoni). Għaldaqstant, il-​Kumitat tat-​Traduzzjoni tal-​Bibbja tad-​Dinja l-​Ġdida hu tal-​fehma li isem Alla jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” L-​istudjużi għandhom fehmiet differenti, allura ma nistgħux inkunu dommatiċi dwar dan it-​tifsir. Madankollu, din it-​tifsira taqbel sewwa mal-​irwol taʼ Ġeħova bħala l-​Ħallieq tal-​affarijiet kollha u l-​Wieħed li jwettaq l-​iskop tiegħu. Hu mhux biss ħalaq l-​univers, il-​bnedmin, u l-​anġli, imma hekk kif jiżvolġu l-​affarijiet, hu jkompli jagħmel ċert li r-​rieda u l-​iskop tiegħu jseħħu dejjem.

Għalhekk, it-​tifsir tal-​isem Ġeħova mhuwiex limitat biss mal-​verb li nsibu f’​Eżodu 3:14, li jgħid: “JIEN SE NSIR DAK LI RRID INSIR.” Dan il-​kliem ma jispjegax bis-​sħiħ l-​isem t’Alla. Minflok juri aspett tal-​personalità t’Alla, billi juri li hu jsir dak li hemm bżonn f’kull ċirkustanza sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu. B’hekk, filwaqt li l-​isem Ġeħova jistaʼ jinkludi dan il-​ħsieb, mhuwiex limitat għal dak li hu nnifsu jagħżel li jsir. Dan jinkludi wkoll dak li jġiegħel li jsir f’konnessjoni mal-​ħolqien tiegħu u t-​twettiq tal-​iskop tiegħu.